Is-saħħa fil-politiki kollha

Is-saħħa fl-inizjattivi tal-UE

Għadd ta' politiki u azzjonijiet għandhom impatt fuq is-saħħa u s-sistemi tas-saħħa madwar l-Ewropa. Għalhekk hemm bżonn ta' strateġiji wiesgħa ta' politika. biex ikun żgurat li s-saħħa tkun parti sħiħa mill-oqsma tal-politika kollha, inklużi politiki ambjentali, soċjali u ekonomiċi.

Strateġija tas-Saħħa tal-UE 2008-13

'Is-saħħa fil-politiki kollha' huwa wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-Istrateġija tas-saħħa tal-UE . L-intenzjoni hi li t-tħassib dwar is-saħħa jkun parti integrali mill-politiki kollha fuq livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali, inkluż l-użu ta' valutazzjonijiet tal-impatt u għodod ta' evalwazzjoni.

Aġenda soċjali mġedda

L-aġenda soċjali mġedda hija inizjattiva wiesgħa li tirrikonoxxi s-saħħa bħala kwistjoni prinċipali għall-benessri taċ-ċittadini tal-UE fis-seklu 21. Tenfasizza wkoll l-importanza ta' metodu koordinat għall-oqsma kollha ta' politika relevanti lejn il-mira ta' ħajja itwal u iktar b'saħħitha.

"Is-saħħa hija ġid" - is-saħħa u l-politika ekonomika

  • L-Istrateġija ekonomika tal-UE tirrikonoxxi l-isfida tas-saħħa f'soċjetajiet li qed jixjieħu għas-sistemi soċjali Ewropej u għat-tkabbir sostenibbli fl-UE.
  • L-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tenfasizza l-importanza tas-saħħa għall-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa. L-għanijiet prinċipali tagħha huma l-promozzjoni tas-saħħa, it-tnaqqis tal-inugwaljanza fis-saħħa u l-protezzjoni kontra t-theddid għas-saħħa.

Il-politika ta' koezjoni

  • Iktar minn €5 biljun ġew allokati għall-investiment fi proġetti tas-saħħa  bejn l-2007 u l-2013, b'mod partikolari biex titjieb l-infrastruttura u s-servizzi tas-saħħa u biex jitħarrġu professjonisti madwar l-UE kollha.
  • L-għan tal-Kummissjoni hu li tiżgura li l-fondi jintefqu bl-iktar mod effettiv mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, billi tgħin tidentifika u timmaniġja l-investimenti fil-proġetti tas-saħħa li jaqblu mal-għanijiet tal-UE.

Il-Programm tas-Saħħa u l-aġenziji tal-UE

  • Il-Programm tas-Saħħa tal-UE jipprovdi iktar minn €300 miljun għall-proġetti tas-saħħa bejn l-2008 u l-2013. Joffri opportunitajiet ta' finanzjament għal firxa wiesgħa ta' prijoritajiet u diġà appoġġja għadd ta' proġetti marbuta mal-HIAP.
  • Hemm għadd ta' aġenziji tal-UE fil-qasam tas-saħħa  li jappoġġjaw politiki tal-UE relatati. Xi wħud minn dawn l-aġenziji jgħinu inizjattivi barra mis-settur tas-saħħa u għalhekk jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tal-HIAP.