Kampi elettromanjetiċi

Politika

Is-sistemi elettriċi u elettroniċi tant infirxu li issa diffiċli nimmaġinaw il-ħajja mingħajrhom. Waqt li jikkontribwixxu għall-kwalità tal-ħajja tagħna f'ħafna modi, dawn joħolqu wkoll kampi elettromanjetiċi (radjazzjoni mhux jonizzanti) li, meta jaslu għal livelli għolja, jistgħu jsaħħnu t-tessuti bijoloġiċi (kif jiġri fi fran tal-microwave).

Il-kampi elettromanjetiċi għandhom frekwenzi differenti - imkejla f'Hertz (Hz) jew oxxillazzjonijiet kull sekonda - adatti għall-użi differenti, pereżempju:

  • kampi statiċi b'saħħithom (0 Hz) jintużaw għall-iskennjar mediku tal-MRI
  • frekwenzi baxxi (50 Hz) jintużaw mill-kurrent elettriku alternat standard (AC) li jagħti l-enerġija lid-djar u l-uffiċċji tagħna
  • linji tal-potenza elettrika u l-apparat elettrodomestiku bħall-vacuum cleaners, magni għat-tnixxif tax-xagħar u l-ħadidiet tal-mogħdija
  • frekwenzi għoljin jintużaw mir-radjijiet, it-televixins, il-mowbajls, il-Wi-Fi, il-microwaves, eċċ.

Sa ftit deċennji ilu, is-sorsi ewlenin magħmulin mill-bniedem ta' kampi elettromanjetiċi kienu l-istazzjonijiet tar-radju u tat-televixin u l-linji tal-potenza elettrika b'vultaġġ għoli. Mis-snin disgħin, l-iżvilupp rapidu tat-telekomunikazzjoni mobbli u tagħmir elettroniku ieħor żied l-għadd ta' sorsi u tipi ta' kampi elettromanjetiċi li għalihom aħna esposti b'mod sostanzjali. Dan wassal għal tħassib dwar l-effetti ħżiena possibbli tagħhom fuq is-saħħa.

Il-mistoqsijiet u tweġibiet l-aktar komuni (disponibbli wkoll bil-Ġappuniż) dwar il-kampi elettromanjetiċi jinsabu fil-qosor f'dokument imħejji mill-Kummissjoni Ewropea.