Politika

Is-sistemi elettriċi u elettroniċi tant infirxu li issa diffiċli nimmaġinaw il-ħajja mingħajrhom. Waqt li jikkontribwixxu għall-kwalità tal-ħajja tagħna f'ħafna modi, dawn joħolqu wkoll kampi elettromanjetiċi (radjazzjoni mhux jonizzanti) li, meta tasal għal livelli għolja, tista' ssaħħan it-tessuti bijoloġiċi (kif jiġri fil-mikrowejv).

Il-kampi elettromanjetiċi għandhom frekwenzi differenti - mkejjla f'Hertz (Hz) jew oxxillazzjonijiet kull sekonda - skont l-użu differenti, pereżempju:

  • kampi statiċi b'saħħithom (0 Hz) jintużaw għall-iskan mediku tal-MRI
  • tintuża frekwenza baxxa (50 Hz) mill-kurrent elettriku alternanti standard (AC) li jagħti l-enerġija lid-djar u l-uffiċċji tagħna
  • il-mowbajls jużaw frekwenza għolja (900 MHz).

Sa madwar 20 sena ilu, is-sorsi magħmulin mill-bniedem ta' kampi elettromanjetiċi kienu l-istazzjonijiet tar-radju u tat-televixin u l-linji tal-elettriku b'vultaġġ għoli. L-iżvilupp rapidu tat-telekomunikazzjoni bil-mowbajl u tagħmir elettroniku ieħor mis-snin disgħin żied l-għadd ta' sorsi u tipi ta' kampi elettromanjetiċi li għalihom aħna esposti b'mod sostanzjali. Dan wassal għal tħassib dwar l-effetti ħżiena possibbli tagħhom.