Drogi illeċiti

Politika

L-abbuż tad-droga huwa problema tas-saħħa pubblika u soċjali ewlenija madwar l-UE kollha kif ukoll f'pajjiżi oħra. Il-maġġoranza tat-tipi ta' użu tad-droga qed jibqgħu fl-istess livell iżda bejn 6,500 u 8,500 mewt fis-sena għadhom relatati mad-droga.

Il-politika dwar id-droga u l-liġi tal-UE

Skont l-Artikolu 168 tat-Trattat ta' Lisbona, l-azzjoni tal-UE għandha tkun indirizzata lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni ta' mard fiżiku u mentali, u t-trażżin ta' sorsi ta' periklu għas-saħħa fiżika u mentali.

L-UE għandha tikkumplementa l-azzjoni tal-Istati Membri fit-tnaqqis tad-dannu għas-saħħa relatat mad-droga, inklużi l-informazzjoni u l-prevenzjoni.

Strateġija Ewropea dwar id-Droga

L-istrateġija dwar id-drogi 2005-2012 tfittex li tipproteġi s-saħħa pubblika u tipprowovi l-koeżjoni soċjali billi tipprevjeni u tnaqqas l-użu tad-droga. Tiffoka fuq żewġ dimensjonijiet prinċipali tal-politika dwar id-droga - it-tnaqqis kemm tat-talba kif ukoll tal-provvista - u għandha tliet temi globali: koordinazzjoni, kooperazzjoni internazzjonali u informazzjoni, riċerka u evalwazzjoni.

Pjan ta' azzjoni

Il-pjan ta' azzjoni dwar id-droga tal-UE 2009-2012 jistabbilixxi miri ambizzjużi u jidentifika 72 azzjoni biex jonqos l-użu tad-drogi illegali b'mod sinifikanti u b'hekk ukoll jonqos id-dannu soċjali u għas-saħħa marbuta miegħu.

Parir lill-pajjiżi tal-UE

F'rakkomandazzjoni dwar id-dipendenza fuq id-droga (2003), il-Kunsill tal-UE ta' parir lill-pajjiżi membri biex inaqqsu l-imwiet u d-dannu għas-saħħa marbuta mad-droga billi jiżviluppaw strateġiji biex jipprevjenu d-dannu marbut mad-droga.

Il-Kummissjoni ħarġet rapport dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni (2007).

Metodu komprensiv

Ir-rakkomandazzjoni, l-istrateġija u l-pjanijiet ta' azzjoni tal-UE jirrapreżentaw metodu integrat, multidixxiplinarju u bbilanċjat biex jonqsu kemm it-talba kif ukoll il-provvista. Dan jieħu f'konsiderazzjoni:

• livelli differenti ta' riskju assoċjati ma' forom differenti ta' użu tad-droga (pereżempju użu ta' iktar minn tip ta' droga waħda)

• l-età tal-utenti u speċifikazzjonijiet oħra

l-Inizjattiva dwar is-Saħħa taż-Żgħażagħ tal-Kummissjoni .