Mard li jittieħed

Kooperazzjoni bejn il-laboratorji tal-UE

It-theddid serju bħall-influwenza pandemika tista' tolqot pajjiżi differenti, u hi meħtieġa azzjoni fil-livell tal-UE biex jiġu dijanjostikati u identifikati l-patoġeni. F'każijiet simili, il-laboratorji fl-UE għandhom jaħdmu id f'id, sabiex jiġu evalwati r-riskji u t-theddid għas-saħħa jiġu ġestiti b'mod effettiv.

Laboratorji ta' referenza għall-patoġeni umani

Ħafna pajjiżi tal-UE għandhom "laboratorji nazzjonali ta' referenza", speċjalizzati f'patoġeni speċifiċi u magħżulin għall-eċċellenza fil-qasam ta' attività speċifika tagħhom. Dawn jipprovdu sorveljanza u dijanjostika ta' kwalità għolja ta' patoġeni umani differenti - aġenti infettivi bħall-vajrusijiet u l-batterji li joħolqu l-mard fil-bniedem.

Ir-rwol tal-UE

L-UE tgħin lill-istati membri jsaħħu l-kapaċità tal-laboratorji tagħhom u qed teżamina metodi kif tgħin toħloq netwerk aħjar ta' laboratorji nazzjonali speċjalizzati fil-patoġeni umani fil-livell tal-UE.

Il-Kummissjoni, in-Netwerk tal-UE għas-sorveljanza epidemjoloġika u l-kontroll tal-mard li jittieħed , iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi (EAHC) qed jaħdmu flimkien mal-gvernijiet nazzjonali biex iħeġġu s-sorveljanza madwar l-Ewropa tal-mard infettiv.

Il-Kumitat tas-Sigurtà tas-Saħħa tal-UE jgħin ukoll itejjeb il-kooperazzjoni tal-laboratorji u n-netwerking.

Tista' ssib iktar informazzjoni fil-pożizzjoni komuni tal-Kummissjoni u l-ECDC tal-2011 dwar il-laboratorji tal-patoġeni umani .

Proġetti

Il-Programmi tas-Saħħa 2003-08  u 2008-13 :

  • għamlu t-titjib tas-sigurtà tas-saħħa taċ-ċittadini l-ogħla prijorità.
  • sejħu għal kooperazzjoni fid-dijanjosi bejn il-laboratorji fil-pajjiżi membri tal-UE.
  • sejħu għal appoġġ għal-laboratorji eżistenti li qed jagħmlu xogħol rilevanti għall-isforzi tal-UE biex iwaqqfu netwerk ta' laboratorji ta' referenza.

L-ECDC u l-EACH qed jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-laboratorji Ewropej u l-bini tal-kapaċità  billi jappoġġaw firxa wiesgħa ta' proġetti madwar l-UE .

Eżerċizzji

Il-Kummissjoni torganizza eżerċizzji dwar kwistjonijiet speċifiċi tal-laboratorji biex ittejjeb it-tħejjija ġenerika  u l-bini tal-kapaċità  operattiva.

Netwerking

L-awtoritajiet tas-saħħa pubblika stabbilixxew diversi netwerks ta' kooperazzjoni bejn il-laboratorji  li jkopru oqsma speċifiċi tas-saħħa - fil-livell tal-UE u bejn ċerti pajjiżi membri.

In-netwerks jagħmluha possibbli biex tinxtered l-informazzjoni malajr, u biex jiġi mmonitorjat u dijanjostikat it-theddid għas-saħħa.