Tibdil fil-klima

Politika

Id-dokument ta' ħidma dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq saħħet il-bniedem, l-annimali u l-pjanti  tal-Kummissjoni jispjega:

  • kif it-tibdil fil-klima se jaffettwa saħħet il-bniedem, l-annimali u l-pjanti
  • x'azzjoni għandha tittieħed mill-UE u mill-pajjiżi membri bħala respons għal dawn it-tibdiliet
  • liema strumenti u fondi huma diġà disponibbli biex jiġu ttrattati l-isfidi li se jinħolqu.

Dan id-dokument kien żviluppat abbażi tal-punti prinċipali wesgħin tal-White Paper dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima 

Saħħet il-bniedem

It-tibdil fil-klima se jkollu:

  • effetti diretti fuq saħħet il-bniedem, pereżempju tibdiliet fl-inċidenza tal-mard trasmess mill-insetti (in-nemus u l-qurdien)
  • effetti indiretti, pereżempju permezz ta' tibdiliet fil-kwalità tal-ilma u tal-arja, jew l-impatti minn kundizzjonijiet ta' klima estrema

Il-pajjiżi tal-UE huma mitluba jikkooperaw biex jaġixxu b'mod aktar effettiv f'dan il-kuntest. Il-pjan tal-istat ta' preparazzjoni  ġie rivedut biex jikkunsidra t-tibdil fil-klima, u se jkun ittestjat għar-respons u l-koordinazzjoni bejn il-pajjiżi, b'enfasi partikulari fuq il-pjanijiet nazzjonali tal-istat ta' preparazzjoni.

Saħħet l-annimali

Żviluppi reċenti jindikaw li t-tibdil fil-klima għandu impatt fuq saħħet l-annimali bħad-dehra fl-2006 tal-marda Bluetongue li tinġarr minn nemus u l-firxa tagħha sal-Iżvezja - li tmur lil hinn miż-żona tradizzjonalment magħrufa tad-distribuzzjoni tagħha.

L-Istrateġija l-ġdida Komunitarja dwar Saħħet l-Annimali tiffoka fuq il-prevenzjoni aktar milli fuq ir-reazzjoni tal-mard tal-annimali. Il-pjan ta' Azzjoni tagħha jikkunsidra l-influwenza tat-Tibdil fil-Klima fuq Saħħet l-Annimali.

Sistema ta’ Informazzjoni ġdida dwar il-Mard tal-Annimali (ADIS) qed tkun żviluppata biex jittejjeb il-ġbir tad-dejta epidemjoloġika. It-tisħiħ tas-sorveljanza tal-mard tal-annimali u t-twaqqif ta' aktar banek ta' tilqim għal ċertu mard tal-annimali se jagħmilha possibbli għall-ġestjonarji tar-riskji biex iwieġbu aħjar għas-sitwazzjonijiet ta' mard li qed jitfaċċa.

Saħħet il-pjanti

It-tibdiliet minħabba l-impatt tal-klima fuq is-suxxettibilità tal-pjanti fir-rigward tal-insetti li jeqirduhom u l-mard. Barra minn hekk, sjuf aktar sħan u xtiewi iqsar b'mod ġenerali jirriżultaw f'żieda fil-popolazzjoni ta' organiżmi li jagħmlu l-ħsara u fl-estensjoni tal-firxa ġeografika tagħhom, u jġiegħlu oħrajn ġodda jistabbilxxu ruħhom fl-UE. Il-prodotti tar-raba' magħżula għall-kultivazzjoni se jinbidlu wkoll bħala respons għat-tibdil fil-klima, li jwasslu opportunitajiet ġodda għall-insetti u l-mard.

Is-sistema attwali tal-UE dwar saħħet il-pjanti – li attwalment qed tiġi riveduta – qed tenfasizza l-kwarantina fil-ġlieda kontra l-insetti li jagħmlu ħsara u l-mard li jistgħu jħallu impatt fuq l-agrikoltura, il-foresti u l-ambjent naturali. Strateġija ġdida għal saħħet il-pjanti se tkun żviluppata biex jiġu indirizzati aħjar, fost affarijiet oħra, il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar saħħet il-pjanti.

Kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali

Il-Kummissjoni qed tikkoopera mill-qrib mal-organizzazzjonijiet internazzjonali bħad-WHO (l-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa), OIE (l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali), IPPC (il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti) u FAO (l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ikel u l-Agrikoltura).

Promozzjoni u appoġġ

Il-Programm tal-Kummissjoni għas-Saħħa Pubblika jagħti fondi lill-proġetti  u inizjattivi oħra li jindirizzaw il-problema tat-tibdil fil-klima.

Il-Kummissjoni tipprovdi fondi għal azzjoni nazzjonali ta' sorveljanza u għal miżuri ta' informazzjoni (dwar it-tniġġis fl-ibliet, l-emissjoni u l-istaġunalità tal-allerġen, l-esponiment għar-raġġi ultravjola, eċċ).

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) għandu diversi proġetti relatati mat-tibdil fil-klima, notevolment in-Netwerk E3, li joħloq mudelli u mapep ta' diversi tipi ta' riskji ta' mard li jittieħed.

Ir-riċerka b'fondi mill-UE dwar mard li qed jitfaċċa għaddejja wkoll taħt is-7 Programm ta' Qafas (ARBO-ZOONET)