In-Nutriment

Dieta bilanċjata u attività fiżika regolari huma essenzjali għas-saħħa. Madankollu, illum l-Ewropew qed jikkonsmaw wisq kaloriji u ma tantx jiċċaqalqu. It-tfal fl-Ewropa qed jiġu affettwati mill-ħxuna u l-obeżità. Ħafna fatturi importanti ta' risku ta' mewt bikri bħall-pressjoni tad-demm, il-kolesterol, l-Indiċi tal-Massa tal-Ġisem (BMI) u d-dijabete għandhom x'jaqsmu ma kif nieklu, nixorbu u niċċaqilqu. Minħabba f'hekk, in-nutrizzjoni u l-attività fiżika huma prijoritajiet importanti fil-politiki tas-Saħħa Pubblika tal-Unjoni Ewropea.
Fuq dan l-isfond, l-Unjoni tħoss il-ħtieġa li taqsam ir-riżorsi billi tinvolvi l-partijiet kollha interessati, inklużi l-industriji tal-ikel u r-reklamar, is-soċjetà ċivili u l-midja. L-objettivi ewlenin li jridu jinkisbu huma għarfien akbar u t-titjib tad-drawwiet marbuta man-nutrizzjoni u l-attività fiżika. Il-Pjattaforma Ewropea għall-Azzjoni dwar id-Dieta u l-Attività Fiżika għandha l-għan li tgħaqqad ir-rappreżentanti ewlenin fuq il-livell tal-UE f'dak li huma l-ikel, il-bejgħ, il-catering, u l-industriji tar-riklamar, l-għaqdiet tal-konsumatur u l-NGOs dwar is-saħħa. Hija taġixxi bħala forum għal dawk kollha li huma lesti jikkommettu ruħhom għall-azzjoni.
F'Mejju 2007, il-Kummissjoni Ewropea adottat White Paper dwar strateġija biex tiġġieled kontra l-ħxuna u l-obeżità, li tgħaqqad azzjonijiet f'oqsma bħall-agrikoltura, it-trasport, l-isport u l-edukazzjoni, kif ukoll is-saħħa pubblika u l-ikel. L-istrateġija terġa' tenfasizza l-Pjattaforma bħala mudell għal sħubijiet aħjar fuq livelli nazzjonali u lokali, u tgħaqqad Grupp ta' Livell Għoli ġdid magħmul minn rappreżentanti ta' kull Stat Membru.
