Mogħdija tan-navigazzjoni

Ibgħat lil ħabib
google +
Verżjoni għall-istampar

In-Nisa

In-Nisa

In-nisa u l-irġiel jippreżentaw tendenzi differenti fejn jidħol mard, esponiment għad-determinanti tas-saħħa u l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa. Dan hu minħabba d-differenzi bioloġiċi bejn in-nisa u l-irġiel u r-rwol soċjali tagħhom. Fl-Ewropa, in-nisa jgħixu medja ta' 6 snin aktar mill-irġiel. Madankollu, ħafna minn dawn is-snin jgħixuhom b'limitazzjoni moderata jew serja fl-attivitajiet tagħhom.

L-aktar kawża frekwenti tal-mewt fl-Ewropa - kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel - huwa l-mard tal-qalb u warajh jiġi l-kanċer. L-inċidenza u l-prevalenza ta' ċertu mard, bħall-kanċer tas-sider, l-osteoporożi u t-tendenzi problematiċi tal-ikel, huma għola fost in-nisa. Jeżisti mard ieħor li jaffettwa l-irġiel u n-nisa b'mod differenti. Per eżempju, l-inċidenza tal-kanċer tal-pulmun huwa aktar għoli fost l-irġiel, imma qed jiżdied bil-ħeffa fost in-nisa minħabba iż-żieda fil-pejjiepa. Ċertu mard li huwa speċifikament relatat mal-organi reproduttivi, bħall-endometriosis u l-kanċer ċervikali, jaffettwa lin-nisa biss.

L-UE tenfasizza l-importanza li nqajjmu l-għarfien dwar ir-relazzjoni bejn is-sess u s-saħħa u tappoġġa lill-Istati Membri tagħha fil-ġbir ta' tagħrif komparabbli u relevanti u fl-indirizzar ta' inugwaljanzi fis-saħħa permezz tal-promozzjoni tas-saħħa skont is-sess, l-identifikazzjoni bikrija u l-kura.