Mard Ieħor Infettiv

Il-mard li jittieħed bħat-tuberkolożi, il-ħożba u l-influwenza, huwa riskju serju għas-saħħa umana. Dan il-mard ma jimpurtaħx mill-fruntieri nazzjonali u jista' jinfirex malajr jekk ma jittieħdux passi biex jiġi kkontrollat. Feġġ mard ġdid bħal HIV-AIDS u SARS (Severe Acute Respiratory Syndrome) filwaqt li mard ieħor b'karatteristiċi perikolużi dejjem qed jiżviluppa bħat-tuberkulożi li tiflaħ għal mediċini differenti, u Staphylococcus aureus li jiflaħ għall-methicillin. Apparti minn hekk, qed jiġu investigati żviluppi xjentifiċi ġodda dwar ir-rwol ta' aġenti infettużi f'kundizzjonijiet kroniċi bħall-kanċer, mard tal-qalb jew allerġiji.
L-Ewropa hija sfidata sabiex tirrispondi bl-aktar mod effiċjenti għal dawn ir-riskji. Il-kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri, entitajiet Ewropej bħaċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard kif ukoll aġenziji Internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) hija ta' importanza inestimabbli biex jitnaqqsu r-riskji li qed niffaċċaw. L-għanijiet ewlenin tal-UE huma li jkollna sistemi ta' sorveljanza effiċjenti, mekkaniżmi ta' twissija bikrija u ta' respons kif ukoll strateġiji ta' prevenzjoni u tħejjija sabiex inkunu lesti nirrispondu għal dan it-theddid kollu. Huwa kruċjali għal rispons xieraq mill-UE li nindunaw malajr dwar mard ġdid li jittieħed, u li niskambjaw l-informazzjoni dwar il-potenzjal tal-firxa internazzjonali.
Netwerk dwar il-mard li jittieħed qabad jaħdem fl-1999 u r-rwol prinċipali tiegħu hu li jissorvelja u jidentifika malajr theddid potenzjali għall-UE sabiex jidħlu fis-seħħ mekkaniżi ta' rispons b'mod koordinat. In-Netwerk huwa magħmul minn awtoritajiet tas-saħħa pubbliċi responsabbli mis-sorveljanza u r-rispons tal-Istati Membri. Iċ-Ċentru Ewropew tal-prevenzjoni u tal-kontroll tal-mard ilu jaħdem minn Mejju 2005. Din l-aġenzija tuża metodu strutturat u sistematiku għall-kontroll tal-mard li jittieħed fl-UE, u b'hekk jgħin biex isaħħaħ is-sinerġiji bejn il-kapaċitajiet attwali fil-livell Nazzjonali.
