INSEPARABLE
Kul, Ixtri u Biegħ Ħut Sostenibbli

Imrobbi fl-UE - Q&A

Imrobbi fl-UE - Q&A

X'inhi l-ewwel raġuni għaliex neħtieġu t-trobbija tal-ħut?

Il-konsum tal-ħut huwa tajjeb għas-saħħa, iżda m'hemmx biżżejjed ħut u frott tal-baħar salvaġġ biex jissodisfaw id-domanda eżistenti. Is-sajd sostenibbli jmur id f’id mat-trobbija tal-ħut. Id-domanda għall-ħut tal-popolazzjoni globali li dejjem qed tikber tista' tintlaħaq biss mill-produzzjoni ta' dawn it-tnejn flimkien jekk irridu li jsir dan mingħajr ma nipperikolaw il-futur fit-tul tal-istokkijiet fis-selvaġġ tagħna.
Fl-UE niddependu fuq l-importazzjonijiet għal 68% tal-ikel mill-baħar li nieklu. Proporzjon sinifikanti minn dan jiġi mill-farms tal-ħut.  10% biss tal-konsum tagħna huwa mkabbar fl-UE. Jekk aktar mill-ħut fil-platt tagħna jkun ħut imrobbi jkun hemm inqas pressjoni fuq l-istokkijiet ta' ħut selvaġġ, inqas dipendenza fuq l-importazzjonijiet, u iktar impjiegi u tkabbir fl-ekonomiji lokali tagħna.

X’inhuma l-ispeċijiet ewlenin imrobbija fl-UE?

Bejn wieħed u ieħor 50% tal-produzzjoni tal-akkwakultura fl-UE hija tal-frott tal-baħar. Il-maskli u l-gajdri huma l-aktar frott tal-baħar popolari. Ħut mill-baħar bħas-salamun, il-pagru u l-ispnott jirrappreżentaw 27% tal-produzzjoni tal-farms tal-ħut filwaqt li l-ħut tal-ilma ħelu bħat-trota u l-karpjun jirrappreżentaw 23% tal-ħut imrobbi fl-UE.
L-ispeċijiet imrobbija fl-UE huma varjati ħafna u jinkludu wkoll l-arzell, il-gandoffli, l-awwist, it-tilapia, l-isturjun (il-kavjar), kif ukoll l-ispeċijiet tas-selvaġġ mistada b'mod intensiv tal-barbun imperjali, il-merluzz u l-lingwata. Il-produzzjoni tal-alka qed tiżviluppa. 
Għal aktar dettalji, żur:

http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/aquaculture/species/index_mt.htm

Kif jitrabba l-ħut?

Frott tal-baħar bil-qoxra bħalma huma l-molluski u l-gajdri jikbru fuq il-ħbula, arbli jew strutturi li jixbhu lill-imwejjed. Jeħtieġu l-ilma nadif biex jieklu nutrijenti li jinsabu fl-ilma. Il-ħut tal-baħar bħas-salamun u l-ispnott  jitkabbar f’nases li jiħallew fuq wiċċ il-baħar. Il-ħut tal-ilma ħelu bħat-trota hu normalment mkabbar f’serje ta’ tankijiet li jiġi ddevjat l-ilma tax-xmara minn ġo fihom. Ħut tal-ilma ħelu ieħor bħall-karpjun jitrabba f’lagi u għadajjar kbar.
Għal aktar dettalji, żur:

http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/aquaculture/aquaculture_methods/index_mt.htm

Huwa minnu li l-akkwakultura tista' tagħmel ħsara lill-ambjent?

Bħal kull attività oħra tal-bniedem, l-akkwakultura għandha tkun immaniġġjata b’mod sostenibbli u responsabbli. Bħal kull tip ta’ produtturi tal-ikel, dawk li jrabbu l-ħut huma marbuta bi standards ambjentali u tas-saħħa. L-istandards ambjentali tal-UE huma fost l-iktar stretti u l-aktar effettivi fid-dinja. Iżda dawk li jrabbu l-ħut irid ukoll ikollhom rwol aktar proattiv fil-protezzjoni tal-ambjent: pereżempju l-għadajjar tal-akkwakultura jgħinu fil-preservazzjoni tal-ambjenti u l-ħabitats naturali importanti għall-għasafar selvaġġi u għal speċijiet oħra fil-periklu.
Il-frott tal-baħar jikkontribwixxi għal ilmijiet kostali aktar nodfa billi jassorbi nutrijenti li altrimenti jistgħu jikkawżaw ħsara lill-kwalità tal-ilma. Fl-aħħar mill-aħħar, is-sostenibbiltà hija wkoll ftehim kummerċjali tajjeb u dawk li jrabbu l-ħut huma fuq quddiem fil-monitoraġġ u l-protezzjoni tal-ambjent sabiex ikun żgurat li m’hemm l-ebda impatt ta’ ħsara.

Il-ħut imrobbi huwa verament daqshekk tajjeb għas-saħħa bħala ħut selvaġġ?

Il-leġiżlazzjoni tal-UE tistabbilixxi regoli stretti, inklużi livelli massimi ta’ kontaminanti, biex ikun żgurat li l-ikel huwa sikur. Dawn il-limiti huma l-istess kemm għall-ħut imrobbi kif ukoll għal dak selvaġġ filwaqt li sistema stretta ta’ kontrolli uffiċjali tiżgura li l-ikel tajjeb għas-saħħa biss jasal fuq l-imwejjed tagħna kemm jekk dan ikun ġej mill-UE jew minn barra.

Hemm bżonn ta' aktar minn kg wieħed ta’ ħut selvaġġ għall-produzzjoni ta' 1kg ta’ salamun imrobbi. Allura jagħmel sens li nitimgħu l-ħut imrobbi bil-ħut selvaġġ?

Il-fatt li  ħut karnivoru bħas-salamun jiddependi fuq il-ħut selvaġġ għall-għalf inevitabbilment jippreżenta sfida għall-akkwakultura sostenibbli. Bit-titjib tad-disponibbilità u l-użu ta’ alternattivi, u biż-żieda fl-effiċjenza tal-għalf, l-ammont ta’ ħut selvaġġ ikkunsmat għal kull kilo ta’ ħut imrobbi prodott qiegħed jonqos kontinwament. Flimkien ma’ konsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà, hemm inċentiv ekonomiku ċar biex min irabbi l-ħut inaqqas l-użu ta’ ħut selvaġġ użat, minħabba li dan huwa wieħed mill-ispejjeż ta’ produzzjoni ewlenin tagħhom. Il-Kummissjoni biħsiebha tassisti s-settur biex din is-sitwazzjoni titjieb aktar.
Madankollu, huwa importanti li wieħed jiftakar li nofs il-produzzjoni tal-akkwakultura fl-UE f'termini ta' volum jiġi mill-frott tal-baħar, li ma jeħtiġlu ebda għalf addizzjonali. Ħut li mhux karnivoru bħall-karpjun ukoll insibuh f'din il-kategorija.

X’qed tagħmel l-UE biex tappoġġja l-akkwakultura?

Permezz tal-Politika Komuni tas-Sajd tagħha riformata reċentement l-UE se tagħti prijorità lill-appoġġ għas-settur tal-akkwakultura. Sett ta' linji gwida pubblikat reċentement jippreżenta sett ta’ prijoritajiet komuni u l-objettivi ġenerali tal-Ewropa fil-qasam tat-trobbija tal-ħut. Ġew identifikati erba' żoni ta’ prijorità:

  • standards għoljin ta' kwalità, ta' saħħa u ambjentali.
  • titjib tal-aċċess għall-ispazju u l-ilma
  • tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi għas-settur
  • żieda fil-kompetittività

L-UE se tagħmel disponibbli l-appoġġ finanzjarju (taħt l-hekk imsejjaħ FEMS) biex tiżgura li min irabbi l-ħut ikollu l-aqwa kundizzjonijiet possibbli fejn jopera u jirnexxi. L-UE se tinvesti wkoll fir-riċerka dwar l-interazzjonijiet mal-ambjent, dwar is-saħħa u n-nutriment tal-ħut imrobbi, u dwar ir-riproduzzjoni u t-tnissil – kollha elementi prinċipali għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea.