INSEPARABLE
Kul, Ixtri u Biegħ Ħut Sostenibbli

Imrobbi fl-UE - Akkwakultura

Imrobbi fl-UE - Akkwakultura

Ħut imrobbi fl-UE: alternattiva tajba għas-saħħa, friska u lokali

Kollha kemm aħna nafu li l-ħut hu mimli proteini, tajjeb għall-qalb u sors rikk ta’ vitamini u nutrijenti. Fl-istess ħin, mhuwiex sigriet li għandna s-sajd żejjed fl-ibħra tagħna, u qed nipperikulaw l-istokkijiet tal-ħut tagħna. 

It-trobbija tal-ħut, jew l-akkwakultura, tista' tgħin biex jittaffa dan il-piż fuq ħut selvaġġ meta niġu biex nissodisfaw id-domanda dejjem tikber għall-ħut – kemm fl-UE kif ukoll mad-dinja kollha. Settur tal-ikel li qed jikber malajr, l-akkwakultura tammonta għal madwar nofs il-ħut li jittiekel mad-dinja kollha kull sena b'din il-figura dejjem tiżdied. Fi kliem sempliċi, mingħajr l-akkwakultura mhux se jkun hawn biżżejjed ħut biex tiġi mitmugħa l-popolazzjoni dinjija kollha. Dan ifisser li jittieħed aktar ħut mill-ibħra u jiżdied il-periklu lis-sostenibbiltà fit-tul tal-istokkijiet tal-ħut selvaġġ tagħna.

Ħut imrobbi hu ħut lokali

Minbarra li jipprovduna bi proteini ta' kwalità tajba għad-dieta tagħna, il-prodotti tal-akkwakultura huma lokali – u jistgħu jgħinu biex jiġu żviluppati l-ekonomiji lokali. Attwalment l-UE timporta 68% tal-frott tal-baħar li nieklu u 10% tal-konsum tagħna jitrabba fiha. Aktar minn 80,000 persuna diġà huma impjegati direttament fl-akkwakultura Ewropea, u din il-figura mistennija li tikber hekk kif aktar u aktar frott tal-baħar jiġi pprovdut mill-produtturi tal-akkwakultura. Permezz tal-Politika tas-Sajd riformata reċentement u ta' appoġġ finanzjarju mmirat, l-Unjoni Ewropea se tappoġġja t-tkabbir tas-settur, toħloq aktar opportunitajiet ta’ impjiegi, u tiżgura li kull ħut imrobbi prodott fl-Ewropa jibqa' frott tal-baħar ta’ kwalità għolja, tajjeb għas-saħħa, u sostenibbli.

Kif taħdem l-akkwakultura 

L-akkwakultura tfisser il-ġbir tal-ikel mill-baħar u tinkludi kemm il-kultivazzjoni ta' annimali f'ilma ħelu f'ilma baħar, kif ukoll, b'mod aktar reċenti, tipi differenti ta' alki. Ipprattikata mal-Ewropa kollha, hi tipproduċi ħafna speċijiet ta' ħut, ta' frott tal-baħar bil-qoxra, krustaċji u alki. Firxa ta’ metodi differenti ta' akkwakultura qed jintużaw – inklużi xi wħud tradizzjonali bħall-ħbula, ix-xbiek, it-tankijiet, jew uħud aktar soffistikati bħas-sistemi ta' ċirkolazzjoni mill-ġdid tal-ilma. Madwar nofs il-produzzjoni tal-UE toriġina minn frott tal-baħar bil-qoxra, bil-molluski u l-gajdri bħala l-aktar popolari, filwaqt li ħut tal-baħar bħas-salamun, l-awrat u l-ispnott, jammonta għal madwar kwart ieħor tal-produzzjoni. Ħut tal-ilma ħelu bħat-trota u l-karpjun jammonta għal madwar wieħed minn kull ħamsa ieħor.

Bħal fl-agrikultura, l-ewwel prijoritajiet jibqgħu kemm il-produzzjoni ta' ikel bnin għal konsumaturi kif ukoll il-protezzjoni tal-benessri tal-annimali u r-rispett tal-ambjent. L-akkwakultura tiddependi fuq ilma nadif u kundizzjonijiet sanitarji ta' trobbija. F’ħafna każijiet, ħut jew frott tal-baħar bil-qoxra jista' jsib in-nutrijenti li jeħtieġ fl-ambjent iżda fejn meħtieġ, dawk li jrabbuhom jipprovdu għalf addizzjonali biex jiżguraw dieta bbilanċjata u tajba għas-saħħa. Dan kollu hu magħmul b’aderenza stretta mal-istandards Ewropej ambjentali u ta' protezzjoni tal-konsumaturi sabiex l-akkwakultura fl-UE tkun sostenibbli, friska, sikura, bi trobbija lokali u faċilment traċċabbli.