INSEPARABLE

Imrobbi fl-UE

Imrobbi fl-UE

Imrobbi fl-UE

Qed tfittex għal għażliet sostenibbli?
Ipprova l-ħut imrobbi fl-UE

 

Ħut imrobbi fl-UE: alternattiva tajba għas-saħħa, friska u lokali

Kollha kemm aħna nafu li l-ħut hu mimli proteini, tajjeb għall-qalb u sors rikk ta’ vitamini u nutrijenti. Fl-istess ħin, mhuwiex sigriet li għandna s-sajd żejjed fl-ibħra tagħna, u qed nipperikulaw l-istokkijiet tal-ħut tagħna. 

It-trobbija tal-ħut, jew l-akkwakultura, tista' tgħin biex jittaffa dan il-piż fuq ħut selvaġġ meta niġu biex nissodisfaw id-domanda dejjem tikber għall-ħut – kemm fl-UE kif ukoll mad-dinja kollha. Settur tal-ikel li qed jikber malajr, l-akkwakultura tammonta għal madwar nofs il-ħut li jittiekel mad-dinja kollha kull sena b'din il-figura dejjem tiżdied. Fi kliem sempliċi, mingħajr l-akkwakultura mhux se jkun hawn biżżejjed ħut biex tiġi mitmugħa l-popolazzjoni dinjija kollha. Dan ifisser li jittieħed aktar ħut mill-ibħra u jiżdied il-periklu lis-sostenibbiltà fit-tul tal-istokkijiet tal-ħut selvaġġ tagħna.

Ħut imrobbi hu ħut lokali

Minbarra li jipprovduna bi proteini ta' kwalità tajba għad-dieta tagħna, il-prodotti tal-akkwakultura huma lokali – u jistgħu jgħinu biex jiġu żviluppati l-ekonomiji lokali. Attwalment l-UE timporta 68% tal-frott tal-baħar li nieklu u 10% tal-konsum tagħna jitrabba fiha. Aktar minn 80,000 persuna diġà huma impjegati direttament fl-akkwakultura Ewropea, u din il-figura mistennija li tikber hekk kif aktar u aktar frott tal-baħar jiġi pprovdut mill-produtturi tal-akkwakultura. Permezz tal-Politika tas-Sajd riformata reċentement u ta' appoġġ finanzjarju mmirat, l-Unjoni Ewropea se tappoġġja t-tkabbir tas-settur, toħloq aktar opportunitajiet ta’ impjiegi, u tiżgura li kull ħut imrobbi prodott fl-Ewropa jibqa' frott tal-baħar ta’ kwalità għolja, tajjeb għas-saħħa, u sostenibbli.

Kif taħdem l-akkwakultura 

L-akkwakultura tfisser il-ġbir tal-ikel mill-baħar u tinkludi kemm il-kultivazzjoni ta' annimali f'ilma ħelu f'ilma baħar, kif ukoll, b'mod aktar reċenti, tipi differenti ta' alki. Ipprattikata mal-Ewropa kollha, hi tipproduċi ħafna speċijiet ta' ħut, ta' frott tal-baħar bil-qoxra, krustaċji u alki. Firxa ta’ metodi differenti ta' akkwakultura qed jintużaw – inklużi xi wħud tradizzjonali bħall-ħbula, ix-xbiek, it-tankijiet, jew uħud aktar soffistikati bħas-sistemi ta' ċirkolazzjoni mill-ġdid tal-ilma. Madwar nofs il-produzzjoni tal-UE toriġina minn frott tal-baħar bil-qoxra, bil-molluski u l-gajdri bħala l-aktar popolari, filwaqt li ħut tal-baħar bħas-salamun, l-awrat u l-ispnott, jammonta għal madwar kwart ieħor tal-produzzjoni. Ħut tal-ilma ħelu bħat-trota u l-karpjun jammonta għal madwar wieħed minn kull ħamsa ieħor.

Bħal fl-agrikultura, l-ewwel prijoritajiet jibqgħu kemm il-produzzjoni ta' ikel bnin għal konsumaturi kif ukoll il-protezzjoni tal-benessri tal-annimali u r-rispett tal-ambjent. L-akkwakultura tiddependi fuq ilma nadif u kundizzjonijiet sanitarji ta' trobbija. F’ħafna każijiet, ħut jew frott tal-baħar bil-qoxra jista' jsib in-nutrijenti li jeħtieġ fl-ambjent iżda fejn meħtieġ, dawk li jrabbuhom jipprovdu għalf addizzjonali biex jiżguraw dieta bbilanċjata u tajba għas-saħħa. Dan kollu hu magħmul b’aderenza stretta mal-istandards Ewropej ambjentali u ta' protezzjoni tal-konsumaturi sabiex l-akkwakultura fl-UE tkun sostenibbli, friska, sikura, bi trobbija lokali u faċilment traċċabbli.

X'inhi l-ewwel raġuni għaliex neħtieġu t-trobbija tal-ħut?

Il-konsum tal-ħut huwa tajjeb għas-saħħa, iżda m'hemmx biżżejjed ħut u frott tal-baħar salvaġġ biex jissodisfaw id-domanda eżistenti. Is-sajd sostenibbli jmur id f’id mat-trobbija tal-ħut. Id-domanda għall-ħut tal-popolazzjoni globali li dejjem qed tikber tista' tintlaħaq biss mill-produzzjoni ta' dawn it-tnejn flimkien jekk irridu li jsir dan mingħajr ma nipperikolaw il-futur fit-tul tal-istokkijiet fis-selvaġġ tagħna.
Fl-UE niddependu fuq l-importazzjonijiet għal 68% tal-ikel mill-baħar li nieklu. Proporzjon sinifikanti minn dan jiġi mill-farms tal-ħut.  10% biss tal-konsum tagħna huwa mkabbar fl-UE. Jekk aktar mill-ħut fil-platt tagħna jkun ħut imrobbi jkun hemm inqas pressjoni fuq l-istokkijiet ta' ħut selvaġġ, inqas dipendenza fuq l-importazzjonijiet, u iktar impjiegi u tkabbir fl-ekonomiji lokali tagħna.

X’inhuma l-ispeċijiet ewlenin imrobbija fl-UE?

Bejn wieħed u ieħor 50% tal-produzzjoni tal-akkwakultura fl-UE hija tal-frott tal-baħar. Il-maskli u l-gajdri huma l-aktar frott tal-baħar popolari. Ħut mill-baħar bħas-salamun, il-pagru u l-ispnott jirrappreżentaw 27% tal-produzzjoni tal-farms tal-ħut filwaqt li l-ħut tal-ilma ħelu bħat-trota u l-karpjun jirrappreżentaw 23% tal-ħut imrobbi fl-UE.
L-ispeċijiet imrobbija fl-UE huma varjati ħafna u jinkludu wkoll l-arzell, il-gandoffli, l-awwist, it-tilapia, l-isturjun (il-kavjar), kif ukoll l-ispeċijiet tas-selvaġġ mistada b'mod intensiv tal-barbun imperjali, il-merluzz u l-lingwata. Il-produzzjoni tal-alka qed tiżviluppa. 
Għal aktar dettalji, żur:

http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/aquaculture/species/index_mt.htm

Kif jitrabba l-ħut?

Frott tal-baħar bil-qoxra bħalma huma l-molluski u l-gajdri jikbru fuq il-ħbula, arbli jew strutturi li jixbhu lill-imwejjed. Jeħtieġu l-ilma nadif biex jieklu nutrijenti li jinsabu fl-ilma. Il-ħut tal-baħar bħas-salamun u l-ispnott  jitkabbar f’nases li jiħallew fuq wiċċ il-baħar. Il-ħut tal-ilma ħelu bħat-trota hu normalment mkabbar f’serje ta’ tankijiet li jiġi ddevjat l-ilma tax-xmara minn ġo fihom. Ħut tal-ilma ħelu ieħor bħall-karpjun jitrabba f’lagi u għadajjar kbar.
Għal aktar dettalji, żur:

http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/aquaculture/aquaculture_methods/index_mt.htm

Huwa minnu li l-akkwakultura tista' tagħmel ħsara lill-ambjent?

Bħal kull attività oħra tal-bniedem, l-akkwakultura għandha tkun immaniġġjata b’mod sostenibbli u responsabbli. Bħal kull tip ta’ produtturi tal-ikel, dawk li jrabbu l-ħut huma marbuta bi standards ambjentali u tas-saħħa. L-istandards ambjentali tal-UE huma fost l-iktar stretti u l-aktar effettivi fid-dinja. Iżda dawk li jrabbu l-ħut irid ukoll ikollhom rwol aktar proattiv fil-protezzjoni tal-ambjent: pereżempju l-għadajjar tal-akkwakultura jgħinu fil-preservazzjoni tal-ambjenti u l-ħabitats naturali importanti għall-għasafar selvaġġi u għal speċijiet oħra fil-periklu.
Il-frott tal-baħar jikkontribwixxi għal ilmijiet kostali aktar nodfa billi jassorbi nutrijenti li altrimenti jistgħu jikkawżaw ħsara lill-kwalità tal-ilma. Fl-aħħar mill-aħħar, is-sostenibbiltà hija wkoll ftehim kummerċjali tajjeb u dawk li jrabbu l-ħut huma fuq quddiem fil-monitoraġġ u l-protezzjoni tal-ambjent sabiex ikun żgurat li m’hemm l-ebda impatt ta’ ħsara.

Il-ħut imrobbi huwa verament daqshekk tajjeb għas-saħħa bħala ħut selvaġġ?

Il-leġiżlazzjoni tal-UE tistabbilixxi regoli stretti, inklużi livelli massimi ta’ kontaminanti, biex ikun żgurat li l-ikel huwa sikur. Dawn il-limiti huma l-istess kemm għall-ħut imrobbi kif ukoll għal dak selvaġġ filwaqt li sistema stretta ta’ kontrolli uffiċjali tiżgura li l-ikel tajjeb għas-saħħa biss jasal fuq l-imwejjed tagħna kemm jekk dan ikun ġej mill-UE jew minn barra.

Hemm bżonn ta' aktar minn kg wieħed ta’ ħut selvaġġ għall-produzzjoni ta' 1kg ta’ salamun imrobbi. Allura jagħmel sens li nitimgħu l-ħut imrobbi bil-ħut selvaġġ?

Il-fatt li  ħut karnivoru bħas-salamun jiddependi fuq il-ħut selvaġġ għall-għalf inevitabbilment jippreżenta sfida għall-akkwakultura sostenibbli. Bit-titjib tad-disponibbilità u l-użu ta’ alternattivi, u biż-żieda fl-effiċjenza tal-għalf, l-ammont ta’ ħut selvaġġ ikkunsmat għal kull kilo ta’ ħut imrobbi prodott qiegħed jonqos kontinwament. Flimkien ma’ konsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà, hemm inċentiv ekonomiku ċar biex min irabbi l-ħut inaqqas l-użu ta’ ħut selvaġġ użat, minħabba li dan huwa wieħed mill-ispejjeż ta’ produzzjoni ewlenin tagħhom. Il-Kummissjoni biħsiebha tassisti s-settur biex din is-sitwazzjoni titjieb aktar.
Madankollu, huwa importanti li wieħed jiftakar li nofs il-produzzjoni tal-akkwakultura fl-UE f'termini ta' volum jiġi mill-frott tal-baħar, li ma jeħtiġlu ebda għalf addizzjonali. Ħut li mhux karnivoru bħall-karpjun ukoll insibuh f'din il-kategorija.

X’qed tagħmel l-UE biex tappoġġja l-akkwakultura?

Permezz tal-Politika Komuni tas-Sajd tagħha riformata reċentement l-UE se tagħti prijorità lill-appoġġ għas-settur tal-akkwakultura. Sett ta' linji gwida pubblikat reċentement jippreżenta sett ta’ prijoritajiet komuni u l-objettivi ġenerali tal-Ewropa fil-qasam tat-trobbija tal-ħut. Ġew identifikati erba' żoni ta’ prijorità:

  • standards għoljin ta' kwalità, ta' saħħa u ambjentali.
  • titjib tal-aċċess għall-ispazju u l-ilma
  • tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi għas-settur
  • żieda fil-kompetittività

L-UE se tagħmel disponibbli l-appoġġ finanzjarju (taħt l-hekk imsejjaħ FEMS) biex tiżgura li min irabbi l-ħut ikollu l-aqwa kundizzjonijiet possibbli fejn jopera u jirnexxi. L-UE se tinvesti wkoll fir-riċerka dwar l-interazzjonijiet mal-ambjent, dwar is-saħħa u n-nutriment tal-ħut imrobbi, u dwar ir-riproduzzjoni u t-tnissil – kollha elementi prinċipali għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea.

Proġett Skolastiku - Nitgħallmu dwar l-Akkwakultura Ewropea

Jista’ jkun li huwa s-settur bl-aktar tkabbir rapidu fil-produzzjoni tal-ikel madwar id-dinja, iżda l-akkwakultura, jew il-pixxikultura, tibqa’ b’mod sorprendenti mhux magħrufa għal ħafna nies li ma jagħmlux parti mill-industrija.

Il-proġett skolastiku Imrobbi fl-UE tfassal biex iżid l-għarfien dwar is-settur tal-akkwakultura fost l-adolexxenti Ewropej (12-18-il sena). Il-proġett ser iqarreb l-istudenti lejn il-pixxikultura u permezz tiegħu sejrin jiskopru kif din taffettwa l-komunità lokali tagħhom.

Sejrin jesploraw l-irwol tagħha fil-produzzjoni tal-ikel u fil-konservazzjoni tal-ambjent. U sejrin jiskopru l-opportunitajiet ta’ negozju u ta’ karriera differenti li toffri l-akkwakultura.

Hemm ħafna skop għar-riċerka tal-istudenti u għall-iskoperta tal-ħut tal-baħar u tal-ilma ħelu, il-molluski, il-krustaċji u l-algi differenti li huma prodotti u l-metodi tradizzjonali u aktar moderni ta’ produzzjoni differenti użati.

Il-proġett bħalissa qiegħed jiġi ppruvat f’20 skola madwar 10 pajjiż tal-UE (ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Polonja, Spanja, u r-Renju Unit).

Lura l-iskola għall-produtturi tal-akkwakultura

Parti ewlenija mill-proġett hija żjara fuq il-post minn pixxikultur lokali, li ser tipprovdi lill-istudenti bl-opportunità li jitkellmu ma’ espert, li jibnu fuq ir-riċerka tagħhom stess, u li jieħdu sehem f’sessjoni divertenti u interattiva għall-viżitaturi.

Ġie ddisinjat kitt tal-proġett għall-għalliema biex jagħtik dak kollu li għandek bżonn biex tgħinhom jippjanaw u jmexxu l-proġett, mill-ewwel lezzjoni, għaż-żjara, sal-attivitajiet ta’ segwitu li jistgħu jiffokaw fuq kwalunkwe ħaġa min-Nutrizzjoni u t-Tisjir, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, jew il-Komunikazzjoni u l-Arti. 

 

Involvi ruħek

L-iskejjel kollha huma mħeġġin biex jipparteċipaw.
l-materjal prodott mill-istudenti tiegħek ser jittella’ b’mod regolari fuq il-kontijiet tal-midja soċjali tagħna.

Żommna aġġornati fuq: mare-communication@ec.europa.eu

Kitt għall-iskejjel

Aktar dettalji dwar dan il-proġett jistgħu jinstabu f’dan il-ktejjeb. Ser titqiegħed għad-dispożizzjoni u tinżamm aġġornata regolarment lista tal-produtturi tal-akkwakultura involuti.

Jekk jogħġbok innota li kwalunkwe spiża ma tistax tiġi koperta mill-Unjoni Ewropea.