Mogħdija tan-navigazzjoni

AA+A++Verżjoni għall-printerMappa tas-sitRSSRSS

X'inhi d-differenza bejn Ewropa 2020 u l-istrateġija preċedenti - l-Istrateġija ta' Lisbona?

Tkabbir ekonomiku u impjiegi, naħdmu flimkien għall-futur tal-Ewropa © EU

L-Istrateġija Ewropa 2020 tibni fuq il-lezzjonijiet li ħadna mill-istrateġija preċedenti, billi nirrikonoxxu l-aspetti pożittivi tagħha (il-miri tajbin għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, 18-il miljun impjieg ġdid maħluqa mill-2000) iżda nindirizzaw id-dgħjufijiet tagħha (implimentazzjoni ħażina, b'differenzi kbar bejn il-pajjiżi tal-UE fir-ritmu u l-profondità tar-riforma).

L-istrateġija l-ġdida tirrifletti wkoll it-tibdiliet fis-sitwazzjoni tal-UE mis-sena 2000 – partikolarment il-bżonn immedjat għall-irkupru mill-kriżi ekonomika.

Ewropa 2020 x'se tipprovdi li hu differenti minn qabel?

1. Tip ġdid ta' tkabbir ekonomiku (intelliġenti, sostenibbli u inklużiv) – partikolarment permezz ta':

  • livelli ogħla tal-ħiliet u l-edukazzjoni (tul il-ħajja)
  • stimolu lir-riċerka u l-innovazzjoni
  • aktar użu ta' netwerks intelliġenti u l-ekonomija diġitali
  • industrija mmodernizzata
  • iktar effiċjenza fl-enerġija u r-riżorsi.

2. Governanza iktar b'saħħitha permezz ta':

  • monitoraġġ regolari u trasparenti
  • tmexxija fl-ogħla livell politiku – il-Kunsill Ewropew.

Il-Kummissjoni se tieħu t-tmun fil-proċess u se tuża strumenti ġodda introdotti bit-Trattat ta' Lisbona – rakkomandazzjonjiet, twissijiet ta' politika fejn xieraq, u għal dewmien serju, il-possibbiltà ta' penali.

3. Koordinazzjoni ekonomika iktar stretta

Skont l-arranġamenti l-ġodda għall-koordinazzjoni ekonomika – is-"Semestru Ewropew" – il-gvernijiet nazzjonali jridu jissottomettu rapporti nazzjonali dwar ir-riforma ekonomika, l-istabbiltà u l-konverġenza fl-istess żmien, għalhekk iridu jiżguraw finanzjament sod għall-programmi ta' riforma tagħhom.

Riżultati effettivi u f'waqthom se jiġu megħjuna b'monitoraġġ strett matul is-Semestru Ewropew, miri ċari li jistgħu jitkejlu (it-tnejn li huma fil-livell tal-UE u nazzjonali) u sorveljanza soda.

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

X'inhu s-"Semestru Ewropew"?

Dan hu perjodu fl-ewwel nofs ta' kull sena fejn il-gvernijiet nazzjonali jirrappurtaw lill-Kummissjoni fl-istess żmien dwar il-progress li għamlu:

Matul dan iż-żmien, il-Kummissjoni tista' tagħti gwida dwar il-politika u tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-gvernijiet qabel ma jiġu finalizzati l-baġits nazzjonali. Dan għandu jgħin lill-pajjiżi membri jikkoordinaw il-politiki ekonomiċi tagħhom aħjar, jibbenefikaw minn aġenda ekonomika maqsuma tal-UE filwaqt li jkomplu jadattaw il-politika għas-sitwazzjoni nazzjonali tagħhom.

Se jgħin ukoll lill-UE biex tieħu tagħlimiet f'waqthom minn żviluppi nazzjonali, biex jiġu inkorporati fil-futur. Is-semestru Ewropew jibda bil-pubblikazzjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Takbbir Ekonomiku.

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

X'inhu l-Isħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir?

Hu rapport ippreżentat mill-Kummissjoni li jevalwa l-isfidi ekonomiċi ewlenin li tiffaċċaja l-UE u jirrakkomanda miżuri ta' prijorità biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.

Abbażi ta' dan l-input, il-mexxejja tal-UE jagħtu gwida dwar tweġibiet possibbli fil-laqgħat tagħhom fir-Rebbiegħa.

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Għaliex għandna bżonn ta' pjan fit-terminu twil meta għadna nissieltu fil-ħajja ta' kuljum?

Id tqiegħed munita ewro f'portmoni © EU

L-irkupru għadu l-prijorità immedjata, u l-UE diġà ħadet azzjoni biex tistabilizza s-settur bankarju u tistimola l-attività ekonomika. Iżda jeħtieġ li nħarsu lil hinn mill-kriżi ta' bħalissa.

L-UE diġà tinsab taħt pressjoni mill-kompetituri u minħabba t-tibdil demografiku. Jekk nerġgħu lura għas-sitwazzjoni ta' qabel il-kriżi jfisser li nkunu waqajna iktar lura.

Għalhekk jeħtieġ li nibdew issa niddisinnjaw il-miżuri li jagħmlu lill-UE iktar b'saħħitha u kompetittiva fil-futur.

Ir-riformi jieħdu ż-żmien – jeħtieġ nibdew issa jekk nixtiequ nħarsu dak li napprezzaw l-iktar fil-mod tal-ħajja tagħna.

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

L-istrateġija kif tħares kontra sejħiet immexxija mill-kriżi għal politiki ekonomiċi iktar protezzjonisti?

Ħafna mfietaħ, li wieħed minnhom hu miftuħ © iStockphoto

Billi jsir iktar attraenti għall-pajjiżi tal-UE li jaħdmu flimkien minflok jikkompetu kontra xulxin.

Se tagħmel dan permezz ta' iktar trasparenza – biex kull pajjiż ikun jista' jara x'qed jagħmlu l-oħrajn. Abbażi tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni komparattiva, il-Kummissjoni se tipproduċi rapport annwali li juri l-progress li sar lejn l-għanijiet, u jispeċifika d-dewmien u d-dgħjufijiet fl-implimentazzjoni. Il-qsim tal-aħjar prassi hu mħeġġeġ.

L-UE sa tara wkoll kif tħeġġeġ lill-pajjiżi biex jikkooperaw iktar billi toħroġ rakkomandazzjonijiet ta' politika lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri (bis-saħħa tal-Kunsill Ewropew). Jekk dawn ma jiġux segwiti, jew jekk il-politika nazzjonali timxi lejn id-direzzjoni l-ħażina, il-Kummissjoni se tuża l-poteri ġodda tagħha taħt it-trattat ta' Lisbona u toħroġ twissijiet ta' politika u bħala l-aħħar rimedju, timponi penali.

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Għaliex l-istrateġija m'għandhiex il-baġit proprju tagħha?

Munzell flus ewro © EU

Għax li tonfoq il-flus mhix bilfors soluzzjoni. Is-soluzzjoni għal tkabbir ekonomiku sostenibbli fit-terminu twil hi r-riforma – kemm riformi strutturali kif ukoll tibdil fl-infiq pubbliku.

Meta l-baġits huma limitati, hu iktar u iktar importanti li jiġu kkanalizzati r-riżorsi skarsi lejn ekonomija iktar intelliġenti, sostenibbli u inklużiva. Dan jiġġenera wkoll iktar dħul fit-terminu twil u jtaffi ftit il-finanzi pubbliċi.

L-UE diġà tiffinanzja ħafna programmi li jistgħu jiġu kkanalizzati lejn dawn l-għanijiet. Pereżempju, bejn l-2007 u l-2013, iktar minn €50 biljun kienu disponibbli għall-proġetti fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, iktar minn €3 biljuni għall-kompetittività u l-innovazzjoni u kważi €7 biljuni għat-tagħlim tul il-ħajja. Dan minbarra l-€277 biljun għall-finanzjament reġjonali għall-istess perjodu permezz tal-Fondi Strutturali.

Il-gvernijiet tal-UE huma mħeġġa jirrevedu n-nefqiet pubbliċi tagħhom sabiex itejbu l-kwalità u l-effiċjenza u, minkejja restrizzjonijiet fiskali importanti, isibu l-ispazju biex jinvestu fit-tkabbir sostenibbli.

Fl-istess ħin, mudelli ġodda ta' finanzjament (bħall-partenarjati pubbliċi-privati, żieda fil-finanzjament tal-UE jew tal-Bank Ewropew tal-Investiment, eċċ) għandhom jiġu esplorati, biex jingħaqdu r-riżorsi pubbliċi u privati u jiġu massimizzati l-impatti.

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Għaliex ma nużawx l-istrumenti eżistenti minflok nestendu f'oqsma ġodda?

Roti tal-ingranaġġ © EU

Ewropa 2020 timmobilizza l-politiki eżistenti kollha tal-UE, l-istrumenti u l-liġijiet, kif ukoll l-istrumenti finanzjarji u ta' koordinazzjoni.

B'mod partikolari, l-UE qed issaħħaħ wħud mill-għodod ewlenin għad-dispożizzjoni tagħha, biex tiżgura t-twassil tal-miri ta' Ewropa 2020: politiki tas-suq uniku (li jinkuraġġixxu iktar integrazzjoni ekonomika), politika industrijali u l-aġenda esterna ekonomika u tan-negozju tal-UE.

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir se jsir parti minn Ewropa 2020?

Żewġ ħoloq minn katina tal-metal © EU

Le – il-Kummissjoni m'għandha ebda intenzjonli li tagħmel dan.

Il-Patt hu strument importanti għall-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi u biex jistimola t-tkabbir - iżda għandu l-mekkaniżmi proprji tiegħu, li għandhom jibqgħu kif inhuma.

Madankollu, peress li l-politika tal-baġit taffettwa r-riformi strutturali u viċe-versa, il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u Ewropa 2020 għandhom jiffunzjonaw flimkien mill-qrib.

Hu minħabba f'dan li l-gvernijiet nazzjonali huma meħtieġa jissottomettu l-programmi nazzjonali ta' riforma u stabbiltà/programmi ta' konverġenza kull sena fl-istess żmien (f'April).

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Għaliex Ewropa 2020 tipproponi azzjoni f'oqsma mmexxija mill-gvernijiet nazzjonali, eż. l-edukazzjoni u l-impjiegi?

Bnadar Ewropej quddiem il-bini tal-Berlaymont © EU

Għax l-isforz biex l-Ewropa tibqa' kompetittiva tista' tibbenefika mill-koordinazzjoni fil-livell tal-UE. L-UE ma tintervenix f'dawn l-oqsma politiċi u toffri biss il-benefiċċju tal-pożizzjoni ġenerali tagħha biex tagħmel rakkomandazzjonijiet li għandhom jgħinu lill-pajjiżi individwali.

L-UE qed tipprova tgħin għax il-kwistjonijiet huma tant importanti – l-Ewropa għandha bżonn ta' tkabbir ekonomiku b'saħħtu u livelli għoljin ta' impjiegi biex iżżomm il-livelli tagħha ta' protezzjoni soċjali, speċjalment fil-konfront tal-popolazzjoni li qed tixjieħ.

Dan ifisser li ċ-ċittadini jiksbu l-ħiliet biex jirnexxu fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi ġodda, u hu għalhekk li hemm dawn il-proposti ta' riforma fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ f'din l-istrateġija.

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

X'sehem kellhom il-partijiet interessati u ċ-ċittadini fit-tfassil ta' din l-istrateġija?

Żewġ persuni jagħjtu f'megafoni © EU

Firxa wiesgħa ta' gruppi kemm fi ħdan u barra l-UE taw iktar minn 1400 kontribuzzjoni English f'konsultazzjoni pubblika tal-2009 dwar l-istrateġija.

Il-kontributuri kienu l-gvernijiet nazzjonali u reġjonali, it-trejdjunjins, in-negozji, l-NGOs, l-akkademiċi, entitajiet tal-konsumatur u madwar 500 ċittadin individwali.

Il-Kummissjoni qieset dan ir-rispons English meta fasslet l-istrateġija.

It-tarf ta’ fuq tal-paġna