AA+A++Verżjoni għall-printerMappa tas-sitRSSRSS

Mill-kliem għall-fatti: is-Semestru Ewropew

L-Istati Membri kollha ħadu l-impenn li jiksbu l-miri ta' Ewropa 2020 u dawruhom f'miri nazzjonali. Iżda dawn il-miri se jirriżultaw fl-impatt mixtieq fuq it-tkabbir biss jekk l-isforzi individwali tal-pajjiżi kollha jkunu kkoordinati u ffukati.

 

Minħabba dan, l-Unjoni Ewropa stabbilixxiet ċiklu annwali ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika msejjaħ is-Semestru Ewropew. Kull sena, il-Kummissjoni twettaq analiżi dettaljata dwar il-pjanijiet tal-Istati Membri għal riformi baġitarji, makroekonomiċi u strutturali u tipprovdilhom rakkomandazzjonijiet għall-perjodu tat-12 sat-18-il xahar li jkun imiss.

 

Is-Semestru Ewropew jibda meta l-Kummissjoni tadotta l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tagħha, normalment lejn l-aħħar tas-sena. Dan id-dokument jistipula l-prijoritajiet tal-UE biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Fl-istess waqt il-Kummissjoni tippubblika Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija fil-kuntest tal-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku English (en) . Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li hu bbażat fuq tabella ta’ valutazzjoni ta’ indikaturi, jidentifika l-Istati Membri li jeħtieġu aktar analiżi, fil-forma ta’ rieżami fil-fond, sabiex jasal għal konklużjoni dwar l-eżistenza u n-natura ta’ żbilanċi potenzjali.

Wara l-esperjenza mill-ewwel eżerċizzji tas-Semestru Ewropew, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015 fih proposti sabiex il-proċess jiġi ssimplifikat, fejn l-istadji ewlenin huma dawn li ġejjin:

F’Ottubru, l-Istati Membri jippreżentaw l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tagħhom għas-sena ta’ wara. F'Novembru, il-Kummissjoni toħroġ opinjoni Deutsch (de) English (en) français (fr) dwar kull abbozz. Il-Kummissjoni tivvaluta jekk l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji jikkonformawx mar-rekwiżiti skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. 

 

Il-laqgħa tar-rebbiegħa tal-Kunsill Ewropew f'Marzu tieħu kont tas-sitwazzjoni makroekonomika ġenerali u tal-progress lejn il-miri ta' Ewropa 2020 u tipprovdi orjentazzjonijiet ta' politika li jkopru r-riformi fiskali, makroekonomiċi u strutturali.

 

F'Marzu wkoll, il-Kummissjoni tippubblika valutazzjoni ekonomika analitika waħda għal kull Stat Membru li tanalizza s-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiżi, l-aġendi ta’ riforma tagħhom u, kull meta jitqies rilevanti fuq il-bażi tar-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, l-iżbilanċi possibbli li jista' jħabbat wiċċu magħhom l-Istat Membru.

 

F'April, l-Istati Membri jippreżentaw il-pjanijiet tagħhom għal finanzi pubbliċi sodi (programmi ta’ stabbiltà jew konverġenza) u riformi u miżuri sabiex isir progress lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv f’oqsma bħall-impjiegi, l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-enerġija jew l-inklużjoni soċjali (programmi nazzjonali ta’ riforma).

 

F'Mejju, il-Kummissjoni tipproponi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi English (en) , kif ikun xieraq. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jipprovdu pariri ta’ politika mfassla apposta għall-Istati Membri f’oqsma meqjusa bħala prijoritajiet għall-perjodu tat-12 sat-18-il xahar li jkun imiss. Il-Kunsill jiddiskuti u l-Kunsill Ewropew japprova r-rakkomandazzjonijiet. B'hekk tingħata gwida ta’ politika lill-Istati Membri qabel jibdew jiffinalizzaw l-abbozzi tal-baġits għas-sena ta’ wara.

 

Fl-aħħar nett, fl-aħħar ta' Ġunju jew fil-bidu ta' Lulju, il-Kunsill jadotta formalment ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

 

Meta ma titteħidx azzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet fiż-żmien stipulat, jistgħu jinħarġu twissijiet ta’ politika. Hemm ukoll l-għażla ta' infurzar permezz ta’ inċentivi u sanzjonijiet fil-każ ta’ żbilanċi makroekonomiċi u baġitarji eċċessivi.

 

Biex jiġu implimentati l-politiki meħtieġa u jiġi żgurat is-sens ta' responsabbiltà fuq medda wiesgħa, ser tinżamm kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew, l-entitajiet konsultattivi tal-UE (il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew) u l-Istati Membri, b’mod partikolari bl-organizzazzjoni ta’ missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni u laqgħat bilaterali bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni u bl-involviment sħiħ tal-parlamenti nazzjonali, l-imsieħba soċjali, ir-reġjuni u partijiet interessati oħra.

 

Dokumenti relatati

  • Il-Governanza ekonomika tal-UE Spjegata English

It-tarf ta’ fuq tal-paġna