AA+A++Verżjoni għall-printerMappa tas-sitRSSRSS

Ewropa 2020 f'Malta

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż huma dokumenti mħejjija mill-Kummissjoni Ewropea għal kull pajjiż. Dawn janalizzaw is-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż u jipprovdu rakkomandazzjonijiet dwar miżuri li l-pajjiż għandu jadotta tul it-18-il xahar ta' wara. Jitfasslu speċifikament għall-kwistjonijiet partikolari li dak l-Istat Membru jkun qed iħabbat wiċċu magħhom u jkopru għadd kbir ta' suġġetti: l-istat tal-finanzi pubbliċi, riformi fis-sistemi tal-pensjoni, miżuri biex jinħolqu l-impjiegi u jingħeleb il-qgħad, sfidi fl-edukazzjoni u l-innovazzjoni, eċċ. L-adozzjoni aħħarija tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż imħejjija mill-Kummissjoni ssir fl-ogħla livell mill-mexxejja nazzjonali fil-Kunsill Ewropew.

Ħarsa lejn il-pajjiż

Malta qed tiffaċċja sfidi integrati importanti li jaffettwaw is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tagħha u l-potenzjal tagħha ta' tkabbir, u kienet waħda mill-pajjiżi identifikati mill-Kummissjoni bħala li qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi, partikolarment għas-settur finanzjarju u l-finanzi pubbliċi.

Malta għamlet progress limitat fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż tal-2012. Fuq nota pożittiva, fil-qasam tal-finanzi pubbliċi, ittieħdet azzjoni xierqa biex tissaħħaħ il-konformità tat-taxxi u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, iżda riżultati konkreti għad iridu jimmaterjalizzaw ruħhom. Miżuri rilevanti għalkemm insuffiċjenti, ġew introdotti fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari lejn it-tfassil ta’ strateġija tat-tluq bikri mill-iskola, it-titjib tal-konnessjonijiet mal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-inkoraġġiment tal-impjieg tan-nisa. Ittieħdu wkoll passi sabiex titjieb is-sigurtà u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija.

Qegħdin jitħejjew riformi fis-sistema bankarja, iżda azzjoni konkreta għad trid tittieħed. Barra minn hekk, ma ttieħdet ebda azzjoni konkreta lejn it-tisħiħ tal-qafas fiskali, it-tnaqqis tal-preġudizzju tad-dejn fit-tassassjoni korporattiva, iktar riformi fis-sistema tal-pensjoni u l-indirizzar ta' riskji potenzjali marbuta mal-mekkaniżmu tal-indiċjar tal-pagi. Fl-aħħar nett, miżuri meħuda fl-enerġija, il-klima u t-trasport għadhom 'il bogħod minn biżżejjed meta wieħed iqis l-iskala tal-isfidi li hemm f'dawn l-oqsma. L-isfidi identifikati b'hekk baqgħu pjuttost l-istess matul is-sena li għaddiet.

Ir-rakkomandazzjonijiet 2013 tal-Kummissjoni Ewoprea għall-Malta fil-qosor

Il-Kummissjoni ħarġet ħames rakkomandazzjonijiet speċifiċi (CSRs) għal Malta biex tgħin fil-prestazzjoni ekonomika. Dawn huma l-oqsma:

  1. Finanzi pubbliċi sostenibbli u konformità mat-taxxa
    L-imperfezzjonijiet fid-defiċit fiskali li ġew innotati lejn l-aħħar tal-2012 (3.3%) ikomplu jbiegħdu lil Malta milli tirritorna l-finanzi pubbliċi tagħha fuq livell sostenibbli. Malta għandha tikkoreġi din it-tendenza b'mod propizju mal-iżvilupp. Malta adottat xi miżuri biex ittejjeb il-konformità mat-taxxa iżda dawn iridu jiġu implimentati b'mod xieraq biex iwasslu għal riżultati. Apparti minn hekk, Malta ma ħadet ebda azzjoni rilevanti biex tnaqqas id-dejn fit-tassassjoni korporattiva.
  2. Pensjoni sostenibbli u sistemi tal-kura tas-saħħa
    Il-finanzi pubbliċi ta' Malta mhux mistennija jkunu sostenibbli fiż-żmien medju jew fit-tul minħabba tbassir ta' żieda fl-infiq relatat mal-età. L-infiq fuq il-pensjonijiet, kif ukoll fuq il-kura tas-saħħa, mistenni jqiegħed iktar stress fuq it-teżor pubbliku. Minħabba f'hekk Malta għandha tgħaġġel ir-riforma tal-pensjoni, torbot l-età tal-irtirar mal-istennija tal-ħajja, tippromwovi tfaddil ta' pensjonijiet privati, tiżviluppa strateġija komprensiva għall-anzjanità, u żżid il-kosteffettività fis-settur tal-kura tas-saħħa.
  3. Edukazzjoni, ħiliet u miżuri favur il-familja
    Jeħtieġ li Malta tagħmel l-aħjar użu possibbli mill-akbar ġid li għandha - il-kapital uman. Madankollu l-pajjiż għandu waħda mill-iktar rati baxxi ta' impjieg fl-UE (63.2%). Malta għad għandha għadd kbir ta' tfal li jitilqu kmieni mill-iskola (22.6%), filwaqt li l-għadd ta' studenti li jiksbu edukazzjoni terzjarja hu relattivament baxx (22.4%). L-għadd ta' nisa attivament fix-xogħol jibqa baxx ħafna (46.9%). Għaldaqstant Malta għandha tkompli tieħu miżuri biex tindirizza d-distakki fil-ħiliet u tiffaċilita l-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol billi tipprovdi faċilitajiet irħas għall-indukrar tat-tfal.
  4. Provvista u effiċjenza tal-enerġija, u sorsi rinnovabbli
    Is-settur tal-enerġija f'Malta jimponi sfida sinifikanti fil-kompetittività tal-pajjiż: tiddependi prinċiparjament minn sors waħdieni tal-enerġija (żejt importat), tbati minn sistema ta' trażmissjoni ineffiċjenti, u l-kontribut ta' sorsi rinnovabbli huwa l-iktar wieħed baxx fl-UE (0.1%). Filwaqt li Malta ħabbret pjanijiet urterjuri biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet, għad hemm lok għal titjib fl-effiċjenza u għal tnaqqis fl-emmissjonijiet permezz tal-promozzjoni ta' enerġiji rinnovabbli, inkluż fit-trasport.
  5. Settur finanzjarju u effiċjenza tal-ġudikatura
    L-esponiment għas-suq immobiljari tal-banek domestiċi ewlenin ta' Malta jrid jiġi ssorveljat mill-qrib u għandhom jitpoġġew miżuri rilevanti. Filwaqt li banek oħra li jaħdmu minn Malta għandhom rabta limitata mal-ekonomija domestika, dawn jammontaw għal 790% tal-PGD u għalhekk għandu jkun hemm superviżjoni stretta fuqhom biex jiġu evitati żbilanċi akkumulati. Ċerti nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja ta' Malta jridu jiġu indirizzati, notament id-dewmien biex jiġu solvuti kawżi mhux kriminali, minħabba li dawn jistgħu jaffettwaw is-settur bankarju fi żmien ta' diffikultajiet ekonomiċi.

Ara kif Malta titqabbel ma' Stati Membri oħra tal-UE f'oqsma ewlenin


Dokumenti tas-Semestru Ewropew