AA+A++Verżjoni għall-printerMappa tas-sitRSSRSS

Tmexxija ekonomika

Id qed twaqqaf filliera ta' dominoes milli jaqgħu © iStockphoto

Il-kriżi uriet problemi fundmentali u tendenzi mhux sostenibbli f'bosta pajjiżi Ewropej. Uriet ukoll li l-ekonomiji tal-UE huma interdipendenti. Koordinazzjoni akbar tal-politika ekonomika madwar l-UE għandha tgħina nindirizzaw dawn il-problemi u nqawwu t-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi fil-ġejjieni.

Ħruġ aktar b’saħħtu mill-kriżi: il-viżjoni Ewropea

Magħquda aktar minn qatt qabel: kif l-UE sabet soluzzjonijiet biex tittratta l-kriżi finanzjarja, kif hi qed issaħħaħ l-ekonomija u l-unjoni monetarja tagħha u kif din qed tħejji t-triq lejn unjoni politika aktar b’saħħitha

Il-governanza ekonomika ġdida tal-UE hija msejsa fuq tliet unitajiet prinċipali:

  • Aġenda ekonomika msaħħa b’sorveljanza eqreb mill-UE Din tinkludi prijoritajiet u għanijiet li ntleħaq qbil dwarhom tal-politika bħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020; aktar impenji meħudin mill-Istati Membri li jipparteċipaw fil-Patt Euro Plus; sorveljanza aktar stretta tal-politiki ekonomiċi u fiskali bħala parti mill-Patt dwar l-Istabilità u t-Tkabbir u permezz ta' għodda ġdida li tindirizza l-iżbilanċi makroekonomiċi; u metodu ġdid ta' ħidma - is-semestru Ewropew - biex jiddiskuti prijoritajiet ekonomiċi u baġitarji fl-istess żmien kull sena.
  • Azzjoni li tieħu ħsieb l-istabilità taż-żona tal-ewro. Fl-2010, l-UE rreaġixxiet għall-kriżi tad-dejn sovran billi waqqfet mekkaniżi ta’ appoġġ temporanji għall-Istati Membri tagħha. Dawn il-mekkaniżmi se jiġu ssostitwiti bil-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilità (MES) fl-2013. Huma kkundizzjonati minn konsolidazzjoni fiskali rigoruża u programmi ta’ riforma u jiġu żviluppati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).
  • Azzjoni li ssewwi s-settur finanzjarju, kif muri hawn taħt.

Dan li ġej jiffoka fuq xi aspetti ewlenin ta' din il-governanza ekonomika ġdida tal-UE.


 

Is-Semestru Ewropew

Is-semestru Ewropew huwa perjodu annwali ta' sitt xhur meta l-politiki baġitarji, makroekonomiċi u strutturali tal-Istati Membri jiġu kkordinati effettivament sabiex jippermettu l-Istati Membri jikkunsidraw kwistjonijiet tal-UE fi stadju bikri tal-proċessi nazzjonali baġitarji tagħhom u f'aspetti oħra tat-tfassil tal-politika ekonomika.

L-istadji ewlenin fis-semestru Ewropew huma:

Jannar, meta l-Kummissjoni toħroġ Stħarriġ dwar l-Iżvilupp Annwali, li jistipola l-prijoritajiet tal-UE għas-sena ġejjiena biex jiġu żgurati l-iżvilupp u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda.

Marzu, meta l-Kapijiet tal-Istati u l-Gvernijiet joħorġu gwida tal-UE għall-politiki nazzjonali bbażata fuq l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir.

April, meta l-Istati Membri jissottomettu l-pjanijiet tagħhom għal finanzi pubbliċi f'saħħithom (Programmi ta’ Stabilità jew Konverġenza) u riformi u miżuri biex isir progress lejn tkabbir għaqli, sostenibbli u inklużiv (Programmi ta' Riforma Nazzjonali).

Ġunju, meta l-Kummissjoni tevalwa dawn il-programmi u tipprovdi rakkomandazzjonijiet kif xieraq għal kull pajjiż. Il-Kunsill jiddiskuti u l-Kunsill Ewropew japprova r-rakkomandazzjonijiet.

Finalment, lejn l-aħħar ta' Ġunju jew fil-bidu ta' Lulju, il-Kunsill jadotta formalment ir-rakkomandazzjonijiet ta' kull pajjiż.



 

Il-Patt ta’ Stabilità u ta’ Tkabbir

Il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir Ekonomiku (PST) huwa għadd ta' regoli li jħeġġu lill-Istati Membri jżommu l-finanzi pubbliċi f'saħħithom.

Il-PST għandhu żewġ friegħi:

  • Il-Fergħa Preventiva titlob lill-Istat Membri jibagħtu Programm annwali ta' Stabilità (il-pajjiżi fiż-żona tal-ewro) jew ta' Konverġenza (l-Istati Membri l-oħra), li jintbagħat flimkien mal-Programm ta' Riforma Nazzjonali. Dan il-programm jistipola kif l-Istat Membru biħsiebu jilħaq u jżomm finanzi pubbliċi f'saħħithom fiż-żmien medju. Il-Kummissjoni tista' toffri rakkomandazzjoni ta' politika (f'Ġunju, bħala parti mis-Semestru Ewropew), jew, jekk ikun hemm bżonn, tagħmel propostà lill-Kunsill biex joħroġ twissija bikrija dwar defiċit eċċessiv
  • Il-Fergħa Korrettiva tmexxi l-Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv. Skont din il-proċedura, jekk Stat Membru jaqbeż id-defiċit baġitarju ta' 3% kif spjegat fit-Trattat, il-Kunsill joħroġ rakkomandazzjonijiet dwar kif għandha tiġi indirizzata l-problema. In-nonkonformità ma' dawn ir-rakkomandazzjonijiet tista' twassal għal sanzjonijiet fuq l-Istati Membri fiż-żona tal-ewro.

Bħalissa l-PST qed jiġi msaħħaħ mill-ġdid b'għadd ta' tibdiliet proposti biex:

  • Jippermettu li l-fergħa korrettiva tal-PST jkollha sehem akbar f'rabta bejn id-dejn u d-defiċit, speċifikament f'pajjiżi b'ħafna dejn (fejn id-dejn pubbliku jaqbeż 60% tal-PGD)
  • Iħaffu l-Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv u jagħmlu l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet fuq l-Istati Membri semi-awtomatika, billi jirrekjedu maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill biex jiċħad proposta għal sanzjonijiet mill-Kummissjoni, u mhux biex japprovaha
  • Itejbu l-qafas baġitarju nazzjonali, jindirizzaw kwistjonijiet ta' kontabilità u statistika kif ukoll metodi ta' tbassir

 

L-indirizzar ta' żbilanċi makroekonomiċi

Matul l-aħħar għaxar snin, l-Istati Membri esperjenzaw xejriet ekonomiċi diverġenti li wasslu għal diskrepanzi fil-kompetittività u żbilanċi makroekonomiċi fl-UE. Biex ikun evitat li dan jiġri fil-ġejjieni, il-Kummissjoni pproponiet mekkaniżmu ta' sorveljanza ġdid biex jidentifika u jikkoreġi dan it-tip ta' kwistjonijiet aktar malajr. Permezz ta' dan il-mekkaniżmu, l-ekonomiji tal-Istati Membri se jkunu ssorveljati għal żbilanċi makroekonomiċi emerġenti (eż. il-bżieżaq tal-proprjetà, żieda fid-defiċits tal-kontijiet kurrenti jew nuqqas fil-kompetittività). Fejn l-Istati Membri jaqbżu l-livelli massimi aċċettati, il-Kummissjoni tagħmel studji fil-fond biex tanalizza jekk l-iżbilanċi humiex ta' dannu u jekk ikunx hemm bżonn toħroġ rakkomandazzjonijiet.


 

Il-Patt Euro Plus

Aġenda komplementari b'riformi addizzjonali – msejħa l-Patt Ewro Plus – ġiet miftiehma bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro, bħala riflessjoni tal-interdipendenza profonda tagħhom, kif ukoll ma’ xi pajjiżi mhux fiż-żona tal-euro: Il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u r-Rumanija. Dan jiffoka fuq erba' oqsma: il-kompetittività, l-impjiegi, is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi u t-tisħiħ tal-istabilità finanzjarja.

Il-mexxejja tal-UE approvaw il-Patt f'Marzu 2011. It-23 firmatarju impenjaw ruħhom jimplimentaw ir-riformi fid-dettall. L-erba' Stati Membri huma ħielsa jidħlu jekk ikunu jridu. Huwa totalment inkorporat fil-qafas ġdid ta’ governanza ekonomika u l-impenji magħmula fih huma inklużi fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma* tal-Istati Membri konċernati.


 

Tiswija tas-settur finanzjarju

L-UE stabbiliet regoli u aġenziji ġodda biex tipprevjeni l-problemi aktar malajr u tiżgura li l-partijiet finanzjarji kollha li jkollhom x'jaqsmu jkunu regolati u sorveljati kif xieraq. Hemm aktar xogħol għaddej, b'mod partikolari biex jiġi żgurat li l-banek Ewropej għandhom biżżejjed riservi ta' flus biex ikunu jistgħu jgħelbu problemi futuri fis-sistema finanzjarja. B'hekk ikunu jistgħu jkomplu jiffunzjonaw u jipprovdu kreditu lill-familji u lin-negozji.

It-tarf ta’ fuq tal-paġna