Iffoka fuq...
<strong>Tabib Taljan iwessa’ l-orizzonti tiegħu </strong>
Dr Stefano Gelati, psikjatra, kien għadu kif iżżewweġ u kien qiegħed iħares ’il quddiem lejn karriera stabbli f’pajjiżu l-Italja. Minflok, huwa sab ruħu jiċċaqlaq kontinwament minn kuntratt temporanju għal ieħor. Quddiem sitwazzjoni bħal din, il-ħolma tiegħu li jmur fir-Renju Unit kompliet tikber u tissaħħaħ. 
Wara proċess ta’ reklutaġġ bir-reqqa li kien jinvolvi diversi intervisti u żjara fil-bini tal-impjegatur futur tiegħu, Dr Gelati u martu ċċaqilqu lejn ir-Renju Unit fl-2006. Iżda qabel ma għamel dan il-pass, Dr Gelati rċieva ħafna għajnuna mingħand it-tim tal-EURES lura f’Pavia, l-Italja.
Huwa seta’ jibbenifika mill-minjiera ta’ esperjenza li żviluppa t-tim fis-settur tas-saħħa. Tabilħaqq, it-tqabbil tal-profili tat-tobba Taljani mal-postijiet tax-xogħol battala rilevanti madwar l-Ewropa jmur lura għall-2002. “Ma jfissirx li t-tobba ma għandhomx xogħol fl-Italja, sempliċiment huwa fatt li xi tobba ma jkunux jistgħu jsibu pożizzjoni bl-ispeċjalizzazzjoni tagħhom. Allura aħna ngħinuhom isibu dawn il-pożizzjonijiet f’pajjiżi Ewropej fejn hemm domanda kbira għalihom,” tgħid Aurora Scalora, Konsulenta tal-EURES f’Pavia.
Bħalissa, Dr Gelati huwa Direttur Kliniku u maniġer tal-linja għal 10 psikjatri konsulenti oħrajn fis-South Essex Partnership University NHS Foundation Trust. “Ma naħsibx li l-karriera tiegħi kienet tavvanza daqshekk li kieku bqajt fl-Italja. Fir-Renju Unit, it-tobba għandhom baġits għal taħriġ personali li jħeġġu lin-nies jiżviluppaw u jikbru. Is-sistema tar-Renju Unit tagħti pożizzjonijiet strateġiċi lil dawk il-professjonisti għolja li tassew ikunu jimmeritawhom, filwaqt li fl-Italja tista’ tispiċċa tibqa’ fl-istess pożizzjoni tul il-karriera kollha tiegħek,” huwa jafferma.
L-EURES jgħin lill-kandidati matul il-proċess ta’ reklutaġġ billi jikkollabora ma’ dawk li jħaddmu, mal-ambaxxati u mal-universitajiet. F’dan il-każ partikolari, l-EURES mar ’lil hinn mit-tqabbil klassiku tal-impjiegi u għen sabiex tiġi stabbilita sħubija kontinwa bejn l-Università ta’ Pavia u l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika f’Essex. Is-sħubija tagħti lok għal żjarat minn studenti tal-mediċina, tinkoraġġixxi s-sħubiji ta’ riċerka u riċentament wasslet għal opportunitajiet għall-professuri universitarji mistednin. “Jiena nieħu x-xogħol tiegħi b’serjetà kbira u rrid insib l-aqwa opportunitajiet ta’ karrieri possibbli għal dawk il-persuni li jikkuntattjaw lill-EURES,” tgħid Aurora.
Anki jekk Dr Gelati huwa kuntent ħafna bis-sitwazzjoni tiegħu fir-Renju Unit, huwa xorta għadu jikkunsidra li jerġa’ lura lejn l-Italja fil-ġejjieni. “Jien noħlom li xi darba għad immur lura u nkun nista’ naqsam u nimplimenta dak li tgħallimt hawnhekk. Iżda mhux sejjer lura għalxejn. Hekk kif l-għarfien u l-ħiliet tiegħek jiżviluppaw, hekk ukoll jagħmlu l-aspettattivi ta’ kif għandha tkun karriera raġjonevoli,” jikkonkludi Dr Gelati.
Aqra aktar:
(parzjalment bit-Taljan)
Test editjat fi: 09/2011
caħda ta' responsabbiltà
L-artikli “Lenti fuq…” huma intenzjonati biex jipprovdu lill-utenti tal-portal ta’ l-EURES b’informazzjoni dwar suġġetti u tendenzi kurrenti, kif ukoll biex jistimulaw diskussjoni u dibattitu. Dawn l-artikli mhux neċessarjament jirriflettu l-fehma tal-Kummissjoni Ewropea.