Il-Kummissjoni Ewropea

Verżjoni li tista' tistampaha Qassar it-test Żid it-test




L-infurzar ta' drittijietek


Il-liġi Ewropea tikkonċedi drittijiet u timponi obbligi mhux biss lill-Istati Membri, iżda wkoll liċ-ċittadini u lill-intrapriżi li japplikaw għalihom għadd ta' regoli b'mod dirett. Hi tagħmel parti integrali mis-sistema legali tal-Istati Membri li qabel kollox huma responsabbli mill-implimentazzjoni tar-regoli u tal-applikazzjoni korretta tagħhom. Għalhekk bi dritt tistenna li l-awtoritajiet nazzjonali fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea li huma japplikaw b'mod korrett dawn il-liġijiet Ewropej.

Kull persuna tista' takkuża Stat Membru billi tressaq ilment lill-Kummissjoni Ewropea biex tiddenunzja miżura (leġiżlattiva, regolamentari jew amministrattiva) jew prattika imputabbli għal Stat Membru li hi tqis tmur kontra dispożizzjoni jew prinċipju tal-liġi tal-Unjoni. Ma għandekx turi interess formali biex jinfetħu l-proċedimenti; lanqas ma għandek tagħti prova li int prinċipalment jew direttament ikkonċernat mal-ksur li tilmenta dwaru. Madankollu, biex ilment ikun jista' jiġi aċċettat, irid ikun dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni minn Stat Membru; għalhekk dan ma jridx ikun jikkonċerna litigazzjoni privata.

1. Kif tiddepożita lment
2. Trattament tal-ilment
3. Mezzi nazzjonali ta' rimedju
4. Garanziji amministrattivi
5. Protezzjoni ta' min jagħmel l-ilment u tad-data personali
6. Ilment lill-Ombudsman


1. Kif tiddepożita lment

L-ilmenti għandhom jiġu ddepożitati bil-miktub f'forma ta' ittra, faks jew email.

Importanti ħafna li l-fajl tal-ilment ikun komplut u preċiż, b'mod partikulari f'dak li jikkonċerna l-fatti mressqa kontra l-Istat Membru in kwistjoni, il-passi li tkun diġà ħadt, fi kwalunkwe livell, u, safejn hu possibbli, id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni li taħseb li nkisru u l-eżistenza ta' finanzjament eventwali mill-Unjoni. L-aspett bil-miktub li jiddenunċja l-miżuri jew prattiki li jmorru kontra l-liġi tal-Unjoni fl-Istati Membri jiġi eżaminat fi żmien xahar biex jitqies għandux jiġi meqjus li jikkwalifika bħala lment.

Kull darba li tibgħat ittra lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea tirċievi rċevuta tal-wasla fi żmien ġimgħatejn mill-wasla skont ir-regoli tal-kodiċi ta' mġieba amministrattiva tajba. F'każ ta' dubju dwar in-natura tal-korrispondenza, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea jikkonsulta lis-servizzi kkonċernati fi żmien ġimgħatejn mill-wasla.

Il-korrispondenza kollha suxxettibbli li tkun is-suġġett ta' struzzjoni bħala lment tiġi rreġistrata f' bażi tad-dejta mmaniġġjata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea.

Is-servizzi tal-Kummissjoni huma responsabbli għall-eżami tal-korrispondenza u/jew tal-ilmenti kollha.

F'każ ta' lmenti multipli għal motiv wieħed, l-ilmenti jiġu rreġistrati taħt numru uniku mill-Kummissjoni Ewropea. il-fuq tal-paġna

2. Trattament tal-ilment

Fil-qafas tal-proċedura tal-ksur, l-ilment tiegħek jista' jwassal għal dawn il-fażijiet:


2.1. Il-ġbir tal-informazzjoni

Bħala risposta għall-ilment tiegħek, jaf ikun hemm bżonn li tinġabar iktar informazzjoni biex jiġu ddeterminati l-fatti u l-punti legali li jikkonċernaw il-każ tiegħek.

Jekk il-Kummissjoni Ewropea tikkuntattja l-awtoritajiet tal-Istat Membru li tkun ressaqt l-ilment kontrih, l-identità tiegħek ma tinkixifx ħlief jekk ma tkunx tajt l-awtorizzazzjoni tiegħek.

Jekk ikun hemm bżonn, tiġi mistieden tforni iktar informazzjoni.

Wara l-eżami tal-fatti fid-dawl tar-regoli u tal-prijoritajiet stabbiliti mill-Kummissjoni għall-ftuħ u s-segwitu tal-proċeduri ta' ksur, is-servizzi tal-Kummissjoni jiddeċiedu jekk għandhiex tittieħed iktar azzjoni fir-rigward tal-ilment tiegħek.

2.2. Il-ftuħ tal-proċedura ta' ksur: kuntatti formali bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istat Membru kkonċernat

Jekk il-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li jista' jkun hemm ksur tal-liġi tal-Unjoni li jiġġustifika l-ftuħ ta' proċedura ta' ksur, hi tibgħat ittra msejħa "tqegħid fil-mora" lill-Istat Membru kkonċernat, fejn tistiednu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f'limitu ta' żmien stabbilit.

L-Istat Membru jrid jadotta pożizzjoni fir-rigward tal-elementi fattwali u legali li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha li tiftaħ proċedura ta' ksur.

Skont it-tweġiba tal-Istat akkużat jew fin-nuqqas ta' tweġiba, il-Kummissjoni Ewropea tista' tiddeċiedi li tibgħatlu "opinjoni motivata", fejn hi tispejga b'mod ċar u b'mod definittiv ir-raġunijiet li għalihom hi taħseb li hemm ksur tal-liġi tal-Unjoni u permezz tagħha tħeġġeġ lill-Istat Membru biex jikkonforma mal-liġi tal-Unjoni f'limitu ta' żmien preskritt (normalment ta' xahrejn).

L-għan ta' dawn il-kuntatti formali hu li jiġi ddeterminat jekk verament hemmx ksur tal-liġi tal-Unjoni u li jsir tentattiv, meta jkun hemm ksur, li jiġi rimedjat f'dan l-istadju mingħajr ma jkun hemm bżonn ta' rikors għall-Qorti tal-Ġustizzja.

Fid-dawl tar-risposta, il-Kummissjoni Ewropea tista' tiddeċiedi wkoll li ma tkomplix il-proċedura ta' ksur, ngħidu aħna meta l-Istat Membru jintrabat b'mod kredibbli li jemenda l-leġiżlazzjoni jew il-prattika amministrattiva tiegħu. Il-biċċa l-kbira tal-każijiet jistgħu jiġu riżolti b'dan il-mod.

2.3. Tressiq fil-Qorti tal-Ġustizzja

Jekk l-Istat Membru akkużat ma jikkonformax mal-opinjoni motivata, il-Kummissjoni Ewropea tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ fil-Qorti tal-Ġustizzja.

Bħala medja, jgħaddi dewmien ta' sentejn qabel mal-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara lilha nfisha dwar l-azzjoni legali.

Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja huma differenti minn dawk tat-tribunali nazzjonali.

Wara l-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament tagħti sentenza li tiddikjara (jew le) il-ksur.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddikjara l-annullament ta' dispożizzjoni nazzjonali li ma tkunx konformi mal-liġi tal-Unjoni, lanqas ma tisforza amministrazzjoni nazzjonali li twieġeb għad-domanda ta' individwu, lanqas li tikkundanna Stat Membru biex iħallas id-danni u l-interessi ta' individwu li sarulu danni minħabba ksur tal-liġi tal-Unjoni.

Hi r-responsabbiltà tal-Istat Membru kkundannat mill-Qorti tal-Ġustizzja li jieħu l-miżuri meħtieġa biex jikkonforma mas-sentenza, notevolemnt biex tiġi solvuta l-litigazzjoni li tat bidu għall-proċedura.

Jekk Stat Membru ma jikkonformax, il-Kummissjoni Ewropea tista' mill-ġdid tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u titlobha timponi fuq l-Istat Membru multa sakemm itemm il-ksur u/jew somma ta' flus f'daqqa. il-fuq tal-paġna

3. Mezzi nazzjonali ta' rimedju

L-entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji nazzjonali għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw ir-rispett tal-liġi tal-Unjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

Kull persuna li tikkunsidra miżura (leġiżlattiva, regolamentari jew amministrattiva) jew prattika amministrattiva li tmur kontra l-liġi tal-Unjoni għalhekk hi mistiedna, qabel jew fl-istess ħin li tagħmel ilment mal-Kummissjoni Ewropea, biex tavviċina lill-entitajiet amministrattivi jew ġudizzjarji nazzjonali (inklużi l-ombudsman nazzjonali jew reġjonali) u/jew tirrikorri għall-proċeduri ta’ arbitraġġ u ta' konċiljazzjoni disponibbli.

Il-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda li tuża wkoll il-mezzi ta' rimedju li jeżistu fil-liġi nazzjonali, minħabba l-vantaġġi li dawn jistgħu joffrulek.

Billi tuża l-mezzi ta' rimedju disponibbli fil-livell nazzjonali, bħala regola ġenerali tkun tista' tasserixxi drittijietek b'mod iktar dirett u personali milli bi proċedura ta' ksur li tressaq b'suċċess il-Kummissjoni Ewropea, li ħafna drabi tieħu ċertu żmien sakemm ma tiġi konkluża.
Fil-fatt, l-imħallfin nazzjonali biss għandhom il-poter li jindirizzaw ordnijiet lill-amministrazzjoni u li jannullaw deċiżjoni nazzjonali.
Huma wkoll l-imħallfin nazzjonali biss li, jekk ikun hemm bżonn, jistgħu jikkundannaw l-Istat Membru kkonċernat biex jirrimedja għad-danni kkawżati lill-individwi b'riżultat tal-ksur tal-liġi Komunitarja. il-fuq tal-paġna

4. Garanziji amministrattivi

Dawn il-garanziji amministrattivi li ġejjin jeżistu għall-benefiċċju tiegħek.

a) Wara r-reġistrazzjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, l-ilment tiegħek jingħata nurmu ta' referenza uffiċjali, indikat fuq l-irċevuta tal-wasla, li għandek issemmi fil-korrispondenza kollha.
Li jingħata numru ta’ referenza uffiċjali lil ilment ma jfissirx neċessarjament li proċedura ta’ ksur għandha tinfetaħ kontra l-Istat Membru kkonċernat.

b) Meta s-servizzi tal-Kummissjoni jkollhom jagħmlu intervent mal-awtoritajiet tal-Istat Membru li kontrih ikun sar l-ilment, dawn iridu joqogħdu għall-għażla li tkun għamilt rigward il-kxif tal-identità tiegħek. Jekk ma tkunx għamilt għażla, is-servizzi tal-Kummissjoni jippreżumu li tkun għażilt it-trattament kunfidenzjali.

c) Il-Kummissjoni Ewropea tipprova tieħu deċiżjoni fuq is-sostanza (jew biex tiftaħ proċeduri ta’ ksur jew biex tagħlaq il-każ) fi żmien tnax-il xahar mir-reġistrazzjoni tal-ilment mas-Segretarjat Ġenerali tagħha.

d) Meta din l-iskadenza tinqabeż, is-servizz tal-Kummissjoni responsabbli għall-fajl tal-ksur jinfurmak bil-miktub, fuq talba tiegħek [niġbdulek l-attenzjoni dwar il-fatt li l-verżjonijiet bl-Ingliż u bl-Iżvediż tal-punt 8 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet ma' min iressaq l-ilment fil-qasam tal-ksur tal-liġi Komunitarja huma differenti mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha li jindikaw li din l-informazzjoni tingħata fuq it-talba tal-ilmentatur]. Tiġi informat bil-quddiem mis-servizz responsabbli jekk dan jippjana li jipproponi li l-Kummissjoni tagħlaq il-każ. Barra minn hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni jżommuk informat dwar il-progress tal-proċedura ta’ ksur. il-fuq tal-paġna

5. Protezzjoni ta' min jagħmel l-ilment u tad-data personali

Il-kxif tal-identitajiet tal-ilmentaturi u l-informazzjoni li dawn jissottomessu lill-Istat Membru kkonċernat huwa s-suġġett tal-ftehim tagħhom minn qabel u għandu jikkonforma mar-Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data u mar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1049/2001 tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. il-fuq tal-paġna

6. Ilment lill-Ombudsman

Jekk il-persuna li tressaq l-ilment taħseb li, waqt it-trattazzjoni tal-ilment tagħha, seta' kien hemm xi ħaġa amministrattiva ħażina min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea minħabba li din tal-aħħar ma tkunx għarfet sew waħda mill-miżuri preżenti, hi tista' teżerċita d-dritt ta' petizzjoni lill-Ombudsman skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 24 u 228 tat-TFUE.

Għal deskrizzjoni sħiħa tal-proċedura u tal-iskadenzi għall-ilmenti, int mistieden tikkonsulta l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Ombudsman Ewropew dwar ir-relazzjonijiet mal-ilmentatur fil-qasam tal-ksur tal-liġi Komunitarja [COM(2002) 141 final]. il-fuq tal-paġna

| Fuq