Navigation path

Il-FSE fl-aħbarijiet

Riżultati tal-ewwel stħarriġ fost l-adulti jista' jiggwida l-prijoritajiet tal-FSE għall-perjodu 2014-2020

10/10/2013

Tifla fl-iskola sekondarja mitluba tikteb fuq il-board
© michaeljung

Fit-8 ta' Ottubru, il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-OECD, ippubblikat ir-riżultati ta' stħarriġ komprensiv dwar il-ħiliet fil-qari, numri u ħiliet relatati mat-teknoloġija fi 17-il Stat Membru tal-UE u f'pajjżi oħrajn. F'kull pajjiż, ġew evalwati l-livelli tal-ħiliet ta' 5000 persuna ta' età tax-xogħol (16-65 sena).

Ir-riżultati tal-istħarriġ huma pjuttost inkwetanti, għaliex juru li wieħed minn kull ħames adulti fl-Ewropa għandu diffikultajiet fil-kitba, fil-qari u fl-aritmetika sempliċi. Sejba sinifikanti oħra hija li d-degrees universitarji fl-istess suġġett minn madwar l-UE jipproduċu livelli ta' ħiliet li huma ferm differenti - fatt li ma jħeġġiġx il-mobilità tal-gradwati fi ħdan l-Unjoni. Is-sejbiet ewlenin tal-istħarriġ huma:

  • Li 20% tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol fl-UE għandha ħiliet baxxi fil-qari u fin-numri - aktar fost dawk bla xogħol.
  • Il-ħiliet diġitali meħtieġa sabiex it-teknoloġiji tal-ICT jintużaw b'mod effettiv huma nieqsin f'25% tal-popolazzjoni tal-UE.
  • Jeżistu differenzi kbar ħafna bejn is-settijiet ta' ħiliet ipprovduti minn edukazzjoni formali, kemm sekondarja kif ukoll dik terzjarja.
  • Diskrepanzi fil-livelli ta' ħila bejn il-ġenerazzjonijiet mikxufin mill-istħarriġ jenfasizzaw l-importanza ta' tagħlim tul il-ħajja għal standard ta' għajxien ogħla.

Pereżempju, il-ħila fil-letteratura u fin-numri fost dawk li għandhom bejn 25-34 sena hija ferm aħjar minn dik fil-ġenerazzjoni ta' bejn 55-65 sena f'pajjiżi bħal Spanja, Franza, il-Finlandja u r-reġjun ta' Fjandra tal-Belġju.
Fuq livell dinji, il-Ġappun jisboq lill-pajjiżi l-oħrajn kollha, filwaqt li riżultati minn pajjiżi akbar bħall-Kanada u l-Istati Uniti ftit li xejn huma differenti minn dawk tal-UE.

Il-Kummissarju Ewropew László Andor talab sabiex il-fondi għal riformi fl-edukazzjoni u l-impjiegi jsiru prijorità, u talab ukoll li jsir użu aħjar mill-Fond Soċjali Ewropew sabiex jinvesti fil-ħiliet u t-taħriġ. Ir-riżultati tal-istħarriġ jistgħu jgħinu lill-Istati Membri jiddefinixxu l-prijoritajiet tagħhom għall-infiq tal-FSE għall-perjodu 2014-2020 li ġej, li huwa sors prinċipali ta' investiment fil-ħiliet u t-taħriġ, inkluż għal gruppi żvantaġġati.

L-appoġġ tal-FSE għall-edukazzjoni jkopri firxa wiesgħa ta' attivitajiet, inkluż: kurrikuli ġodda tal-iskejjel, taħriġ għall-għalliema u appoġġ għall-universitajiet, istituzzjonijiet tat-taħriġ vokazzjonijiet u tagħlim tul il-ħajja. Aktar importanti minn hekk, il-FSE jiffoka fuq in-nies - it-tfal tal-iskola, l-istudenti tal-università, il-ħaddiema u dawk li qegħdin ifittxu xogħol li jkunu qegħdin ifittxu taħriġ u ħiliet ġodda. Bosta proġetti tal-FSE qegħdin jieħdu passi sabiex jitnaqqas l-ammont ta' studenti li jitilqu kmieni mis-sistema edukattiva u sabiex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ għandhom ħiliet u kwalifiki xierqa - b'mod partikolari fost gruppi żvantaġġati bħal minoritajiet u dawk li jkunu ġejjin minn sfond immigrant.