Navigation path

Il-FSE fl-aħbarijiet

Sejħa għal azzjoni dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ

19/06/2013

Mara żagħżugħa u persuna li qed tipprovdi pariri fuq ix-xogħol
© European Union

Illum, il-Kummissjoni adottat il-komunikazzjoni "Naħdmu flimkien għaż-żgħażagħ Ewropej - Sejħa għal azzjoni dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ". Hija tisħaq għal darba oħra li fost l-isforzi kollha sabiex l-ekonomija terġa' tkun magħmula waħda li tikber, il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ hija l-ikbar prijorità.

Filwaqt li ħafna mill-mezzi jinsabu f'idejn l-Istati Membri, il-livell tal-UE jista' jgħin sabiex jagħmel differenza. Il-Kummissjoni pproponiet għadd ta' miżuri prattiċi u li jistgħu jintlaħqu li għandhom il-potenzjal għal impatt immedjat, iżda xi miżuri għad irid jintlaħaq ftehim fuqhom fil-livell tal-UE, b'mod partikolari dawk relatati mal-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) għall-2014-2020.

Li l-FSE jkun magħmul jaħdem għaż-żgħażagħ

Il-FSE għandu rekord mimli evidenza ta' attivitajiet ta' appoġġ madwar l-Ewropa mfasslin sabiex jgħinu liż-żgħażagħ jintegraw fis-suq tax-xogħol. Meta wieħed iħares 'il quddiem lejn il-perjodu 2014-2020, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (ESIF) se jkollhom rwol kruċjali fl-appoġġ għaż-żgħażagħ u fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Hemm bżonn urġenti ta' ftehim fuq l-MFF li jmiss u fuq il-programmi li jimplimentawh sabiex jiġi żgurat li l-FSE u l-ESIF l-oħrajn ikunu jistgħu jiġu mobilizzati minnufih f'Jannar 2014.

Dan il-ftehim għandu jirrifletti l-prijorita li l-UE tagħti lill-ġlieda u lill-prevenzjoni tal-qgħad fost iż-żgħażagħ: sehem minimu ta' 25% tal-finanzjament tal-politika tal-koeżjoni għall-FSE jgħin jiżgura li għallinqas EUR 80 biljun jibqgħu disponibbli għall-investiment fil-kapital uman Ewropew.

B'mod parallel, l-Istati Membri qegħdin jaħdmu b'mod intensiv mal-Kummissjoni sabiex jiddisinjaw il-ġenerazzjoni li jmiss tal-Programmi Operattivi li sejrin jirregolaw kif dan il-finanzjament sejjer jintuża. Din hija opportunità tad-deheb sabiex il-programmi l-ġodda jiġu armati għall-aktar prijoritajiet importanti fir-riforma għat-tkabbir u għax-xogħlijiet.

Bidu minnufih tal-Inizjattiva favur l-Impjiegi għaż-Żgħażagħ

Sabiex l-appoġġ finanzjarju jiġi ffokat aktar fuq ir-reġjuni u l-individwi li qegħdin jitħabtu l-iktar mal-qgħad u n-nuqqas ta’ attività fost iż-żgħażagħ, fi Frar, il-Kunsill Ewropew qabel li joħloq Inizjattiva favur l-Impjiegi għaż-Żgħażagħ (YEI) li għandha tiġi appoġġata b'EUR 6 biljun mill-baġit tal-UE.

Il-Kummissjoni pproponiet li tikkonċentra l-appoġġ mill-YEI fir-reġjuni li qegħdin jesperjenzaw rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ li huma ogħla minn 25%, u fi ħdan dawn ir-reġjuni fuq iż-żgħażagħ. Dan se jkollu fil-mira tiegħu lil żgħażagħ individwali li għandhom bejn 15 u 24 sena li ma għandhomx impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs) u sejjer jikkumplimenta l-appoġġ ipprovdut mill-FSE għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Dawn il-kriterji għandhom jinżammu: kwalunkwe tnaqqis fil-limitu jifrex il-fondi f'ammonti żgħar ħafna u dan ikun ta' detriment għal dawk ir-reġjuni li għandhom l-iktar bżonn.

Sabiex jiġi żgurat li l-flus mill-YEI jibdew jgħaddu malajr ladarba jkun intlaħaq ftehim fuq il-qafas legali, il-Kummissjoni pproponiet li taġġusta l-profil tal-MFF li jmiss sabiex l-ammont totali ta' EUR 6 biljun f'impenni jkun magħmul disponibbli fi ħdan l-ewwel sentejn tal-MFF li jmiss.

Tnedija mill-ġdid tal-Gruppi ta’ Azzjoni dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ

Fl-2012, il-Kummissjoni stabbilixxiet Gruppi ta’ Azzjoni dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ konġunti mal-Istati Membri li esperjenzaw livelli għoljin ta’ qgħad fiż-żgħażagħ. Dawn it-timijiet ħadmu sabiex jiżguraw li l-fondi strutturali tal-UE jkunu qed jintużaw b’effett massimu sabiex jappoġġjaw iż-żgħażagħ. Permezz ta’ dan ix-xogħol, madwar EUR 16-il biljun ta’ fondi tal-UE diġà ġew immirati għal provvediment aċċellerat jew allokazzjoni mill-ġdid. Dawn, eventwalment, se jgħinu lil aktar minn miljun żagħżugħ u żagħżugħa u diġà qegħdin jinħassu r-riżultati fil-qasam.

Biex tkompli fuq din l-esperjenza pożittiva, il-Kummissjoni lesta biex tniedi mill-ġdid u tespandi l-Gruppi ta’ Azzjoni sabiex jaħdmu mal-Istati Membri eliġibbli għal appoġġ finanzjarju taħt l-Inizjattiva għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ.

Spinta għall-mobilità permezz ta’ EURES u l-FSE

Il-Kumissjoni bdiet riforma kbira sabiex tagħmel il-portal tal-EURES aktar responsiv għar-realtajiet tas-suq tax-xogħol u sabiex issaħħaħ il-fokus fuq il-mobilità taż-żgħażagħ billi toffri impjiegi kif ukoll opportunitajiet għall-kombinazzjoni tax-xogħol u t-tagħlim, bħal apprendistati. Għalhekk, il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri sabiex jużaw l-opportunitajiet ta’ fondi mill-FSE u sorsi ta’ fondi nazzjonali, inkluż il-EURES, sabiex jippromwovu l-mobilità tax-xogħol intra-UE, u sabiex isaħħu l-kapaċità tas-servizzi pubbliċi nazzjonali tal-impjiegi f’dan ir-rigward.

Il-FSE qiegħed hemm biex jgħin: mill-2014, ser ikun hemm disponibbli appoġġ finanzjarju għal taħriġ fil-lingwi u fl-orjentazzjoni professjonali, spejjeż tal-ivjaġġar u integrazzjoni fil-pajjiż ospitu.