Navigation path

Il-FSE fl-aħbarijiet

Miżuri ġodda għal twassil aħjar tal-politika tal-koeżjoni

21/05/2013

Illum, il-Kummissjoni pproponiet li l-ftehim fuq sehem miżjud tal-UE għal investimenti fil-Greċja, f'Ċipru u fil-Portugall sejjer jitwal għal sentejn oħra, u li r-Rumanija u s-Slovakkja sejrin jingħataw aktar żmien biex jonfqu l-fondi ta' koeżjoni.

Il-miżura oriġinali ta' "top-up", adottata fl-2011, rat żieda temporanja fil-ko-finanzjament tal-UE, sa tmiem l-2013, ta' massimu ta' 10 punti perċentwali fuq talba, għal dawk il-pajjiżi li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi, l-Irlanda, l-Ungerija, il-Latvja, il-Greċja, il-Portugall u r-Rumanija.

Il-miżura ma tirrappreżentax finanzjament ġdid iżda tippermetti implimentazzjoni aktar faċli tal-fondi li diġà ġew impenjati taħt il-politika ta' koeżjoni tal-UE. Il-kontribut tal-UE sejjer jiżdied għal massimu ta' 95%, b'hekk inaqqas ir-rekwiżit nazzjonali ta' ko-finanzjament għal 5% biss. F'termini konkreti, fl-2014 dan ikun jikkorrespondi għal madwar €500m, b'madwar €400m għall-Greċja, €100m għall-Portugall u €20m għal Ċipru (dawn it-tliet pajjiżi huma mistennija li jirċievu għajnuna finanzjarja taħt programm ta' aġġustament makro-ekonomiku fl-2014).

It-tieni miżura f'din il-proposta twieġeb għat-talba tal-Kunsill Ewropew dwar il-baġit futur tal-UE fi Frar għall-Kummissjoni sabiex tesplora modi ġodda sabiex tagħmilha iktar faċli għar-Rumanija u għas-Slovakkja biex jonfqu l-Fondi tal-UE.

L-allokazzjonijiet tal-Politika ta' Koeżjoni tal-Istati Membri huma maqsumin f'ammonti annwali li għandhom jintnefqu fi żmien sentejn jew tliet snin, jiddependi mill-pajjiż. Din ir-regola, magħrufa bħala ir-'regola N+2 jew N+3', b'N tkun is-sena tal-bidu meta l-flus jiġu allokati. Kwalunkwe parti minn dak l-ammont li ma tiġix ikklejmjata mill-pajjiż fi żmien dak il-perjodu, titnaqqas awtomatikament mill-allokazzjoni tagħhom u tmur lura fil-baġit ġenerali tal-UE.

Illum, il-proposta tal-Kummissjoni testendi r-regola N + 3 għar-Rumanija u għas-Slovakkja li kieku kienet tiskadi fl-2013. Tagħti iktar lok sabiex jitnefqu u jiġu kklejmjati lura flus tal-UE u jitnaqqas ir-riskju li jintilfu fondi.