Navigation path

Il-FSE fl-aħbarijiet

Proposta għal Regolament tal-FSE 2014-2020

06/10/2011

Il-Kummissjoni tipproponi regoli għall-perjodu li ġej ta’ seba’ snin tal-FSE

Fis-6 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni pproponiet ir-regoli li sejrin jistabbilixxu kif se jaħdem il-FSE fil-perjodu 2014-2020. Il-proposta hija parti minn pakkett leġiżlattiv ġenerali għall-politika ta’ koeżjoni futura tal-Ewropa. Hija sejra tippermetti lill-FSE sabiex ikompli jipprovdi appoġġ konkret lil nies li għandhom bżonn isibu xogħol, jew li javvanzaw fix-xogħol attwali tagħhom. Kull sena, medja ta’ 10 miljun persuna tipparteċipa fil-miżuri tal-FSE madwar l-Ewropa

Investiment akbar fin-nies

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza tal-kapital uman bħala mexxej prinċipali għat-tkabbir. Il-proposta tagħha talloka sehem minimu ta’ Fondi tal-politika ta’ koeżjoni lill-FSE; jiġifieri minimu ta’ € 84 bn. Is-sehem tal-FSE se jkun mill-inqas ta’ 25% għal reġuni inqas żviluppati, 40% għal reġjuni ta’ tranżizzjoni u 52% għal dawk aktar żviluppati.

L-Istati Membri ser ikollhom jikkonċentraw il-FSE fuq numru limitat ta’ għanijiet u prijoritajiet ta’ investiment b’mod konformi mal-istrateġija ta’ Ewropa 2020 sabiex jiżdied l-impatt u jintlaħaq piż kritiku.

Jingħata emfażi akbar fuq il-ġlieda kontra il-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-appoġġ għal anzjanità attiva u li jingħataw opportinitajiet lill-individwi u lill-gruppi l-aktar żvantaġġjati, bħar-Roma. Il-Kummissjoni tipproponi li talloka sehem minimu ta’ 20% tal-FSE għal azzjonijiet ta’ inklużjoni soċjali, meta mqabbel mal-medja ta’ 13% li huwa ossevat bħalissa. Barra minn hekk, il-FSE ser jgħin lill-Istati Membri sabiex jimmodernizzaw is-swieq tax-xogħol u l-politiki soċjali tagħhom u sejjer jipprovdi appoġġ akbar għal azzjonijiet innovattivi u kooperazzjoni transnazzjonali.

Il-Kummissjoni tipproponi illi tagħmel passi akbar lejn is-simplifikazzjoni tal-ġestjoni tal-FSE, b’mod partikolari għal għotjiet żgħar. Dan isir billi jiġu mħeġġa modi eħfef għar-rimbors ta’ spejjeż ("għażliet ta’ spejjeż simplifikati”), li jsiru obbligatorji wkoll għal proġetti żgħar.

Innovazzjonijiet prinċipali għall-Fondi tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE

Ir-reġjuni kollha tal-UE jkomplu jirċievu appoġġ minn tliet kategoriji definiti:

  • reġjuni inqas żviluppati, li l-PDG għal kull ras tagħhom huwa inqas minn 75% tal-medja tal-Unjoni Ewropea, sejrin ikomplu jingħataw l-ogħla prijorità għall-politika.
  • reġjuni ta’ tranżizzjoni, li l-PDG għal kull ras tagħhom huwa bejn 75% u 90% tal-medja tal-UE27.
  • reġjuni aktar żviluppati, li l-PDG għal kull ras tagħhom huwa aktar minn 90% tal-medja.

It-tieni kategorija – li tkopri 51 reġjun u aktar minn 72 miljun persuna – tiffaċilita t-tranżizzjoni ta’ reġjuni li saru aktar kompetittivi fl-aħħar snin, iżda għad għandhom bżonn ta’ appoġġ immirat. Mill-2014, 20 reġjun huma mbassra li joħorġu mill-mira preżenti ta’ “konverġenza” (reġjuni inqas żviluppati), u b’hekk jirriflettu s-suċċess tal-politika ta’ koeżjoni.

Kuntratti ta’ Sħubija, mifthemin bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, sejrin jistabbilixxu l-impenni nazzjonali meħtieġa sabiex jinġiebu fis-seħħ l-objettivi ta’ Ewropa 2020. L-investimenti tal-FSE sejrin ikunu allinjati kompletament mal-objettivi u l-miri ta’ Ewropa 2020 dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni u t-tnaqqis tal-faqar.

Il-Qafas Strateġiku Komuni li għandu fih l-ogħla prijoritajiet tal-UE se jkun japplika għall-fondi kollha, inklużi l-iżvilupp rurali u s-sajd. L-Istati Membri sejrin jitħallew jikkombinaw il-FERŻ, l-FSE u l-Fond ta’ Koeżjoni fi programmi ta’ “fondi multipli” sabiex itejbu l-koordinazzjoni fil-qasam [u jiksbu żvilupp integrat].

Sejrin jiġu introdotti kundizzjonijiet ġodda sabiex jiżguraw li l-fondi tal-UE jikkontrobwixxu b’mod effettiv sabiex iġibu fis-seħħ l-objettivi ta’ Ewropa 2020. Se jkollhom ikunu fis-seħħ ċerti kundizzjonijiet "ex-ante" qabel ma jintnefqu l-fondi (pereżempju, it-tħaddim tajjeb ta’ sistemi tal-akkwisti pubbliċi).

Il-passi li jmiss

Dawn il-proposti sejrin issa jiġu eżaminati mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew, bil-għan li jiġu adottati sal-aħħar tal-2012, sabiex tkun tista’ tibda ġenerazzjoni ġdida ta’ programmi ta’ politika ta’ koeżjoni fl-2014.

In-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali għall-baġit sħiħ tal-UE sejrin ikomplu b’mod parallel.