Navigation path

Il-Fond Soċjali Ewropew 2014–2020

Il-FSE huwa wieħed mill-ħames Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (ESIF). Mill-2014, dawn jaħdmu skont qafas komuni u jsegwu objettivi politiċi kumplimentari. Huma s-sors ewlieni ta' investiment fuq livell tal-UE sabiex jgħinu lill-Istati Membri jerġgħu jġibu u jżidu t-tkabbir u biex jiżguraw irkupru mimli xogħlijiet filwaqt li jiġi żgurat żvilupp sostenibbli, b'mod konformi mal-objettivi ta' Ewropa 2020.

X’inhuma l-bidliet ewlenin għall-FSE?

Mill-2014, ir-rwol tal-FSE huwa msaħħaħ:

  • Sejra tiġi assigurata massa kritika ta’ investiment fil-kapital uman permezz ta’ sehem minimu garantit tal-FSE fi ħdan il-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni f’kull Stat Membru. Flimkien mal-allokazzjoni speċjali ta’ € 3 biljun għall-Inizjattiva Favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, dan ifisser li, matul is-seba’ snin li ġejjin, sejrin jiġu investiti aktar minn € 80 biljun fiċ-ċittadini tal-Ewropa (ara l-allokazzjonijiet skont il-pajjiż);
  • L-allokazzjoni ta’ mill-inqas 20% tal-Fond għall-inklużjoni soċjali  tfisser li l-persuni li jinsabu f’diffikultajiet u dawk li ġejjin minn gruppi żvantaġġjati mistennija jingħataw aktar appoġġ sabiex ikollhom l-istess opportunitajiet bħall-oħrajn ħalli jintegraw fis-soċjetà;
  • Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u tal-opportunitajiet indaqs għal kulħadd mingħajr ebda diskriminazzjoni sejra tiġi integrata fl-azzjonijiet kollha u tkun ukoll appoġġjata permezz ta’ inizjattivi speċifiċi;
  • Qiegħda ssir enfasi akbar fuq il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ. L-Inizjattiva Favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ sejra tgħin lil dawk iż-żgħażagħ li jinsabu bla xogħol u li mhumiex qegħdin jirċievu edukazzjoni jew taħriġ f’reġjuni li qegħdin jesperjenzaw rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ ta’ aktar minn 25%. Sejra tingħata s-somma ta’ mill-inqas €6.4 biljun bħala appoġġ għall-isforzi tal-Istati Membri sabiex idaħħlu fis-seħħ il-pjanijiet tagħhom għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ;
  • Il-konċentrazzjoni tal-finanzjament għall-kisba tar-riżultati: il-FSE sejjer jiffoka l-interventi tiegħu fuq numru limitat ta’ prijoritajiet sabiex jiżgura massa kritika għolja biżżejjed ta’ finanzjament bil-għan li jkun jista’ jsir impatt reali fl-indirizzar tal-isfidi ewlenin tal-Istati Membri.
  • Għandu jiġi pprovdut appoġġ akbar għall-innovazzjoni soċjali, jiġifieri permezz tal-esperimentazzjoni u l-espansjoni gradwali tas-soluzzjonijiet innovattivi sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet soċjali, tax-xogħol u tal-edukazzjoni;
  • Il-FSE sejjer jiġi implimentat b’kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-imsieħba soċjali u l-korpi li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali matul iċ-ċiklu kollu tal-programm;
  • Il-Fond Soċjali Ewropew sejjer ikun fuq quddiemnett tar-regoli amministrattivi innovattivi li huma intiżi biex jissimplifikaw l-implimentazzjoni tal-proġetti. Il-Kummissjoni qiegħda tgħin lill-Istati Membri biex jissimplifikaw l-implimentazzjoni tal-FSE bil-għan li jkunu jistgħu jiffokaw aktar fuq ir-riżultati u jagħmlu l-FSE aktar faċli u sikur għall-benefiċjarji.

X’objettivi għandu l-FSE għall-perjodu 2014-2020?

Jgħin sabiex jiddaħħlu aktar nies fid-dinja tax-xogħol: il-FSE ser ikun qiegħed jappoġġja organizzazzjonijiet madwar l-UE sabiex idaħħlu fis-seħħ proġetti li huma intiżi biex iħarrġu lin-nies u jgħinuhom isibu x-xogħol. Għandhom jiġu ffinanzjati wkoll inizjattivi li jkollhom l-għan li jappoġġjaw lill-imprendituri b’finanzjament sabiex ikunu jistgħu jibdew negozju u lill-kumpaniji li jkollhom bżonn ilaħħqu mar-ristrutturar jew ma’ nuqqas ta’ ħaddiema kkwalifikati. L-għajnuna liż-żgħażagħ sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol sejra tkun prijorità ewlenija għall-FSE fil-pajjiżi kollha tal-UE.
L-inklużjoni soċjali: ix-xogħol huwa l-aktar mod effettiv ta’ kif in-nies jingħataw l-indipendenza, is-sigurtà finanzjarja u sens ta’ appartenenza. Il-FSE sejjer ikompli jiffinanzja ħafna eluf ta’ proġetti li huma intiżi biex jgħinu lill-persuni li jinsabu f’diffikultà u lil dawk minn gruppi żvantaġġjati sabiex jiksbu l-ħiliet, isibu x-xogħol u jkollhom l-istess opportunitajiet bħal persuni oħrajn.
Edukazzjoni aħjar: Madwar l-UE, il-FSE qiegħed jiffinanzja inizjattivi li huma intiżi biex itejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll biex jiżguraw li ż-żgħażagħ ilestu l-edukazzjoni tagħhom u jiksbu l-ħiliet li jagħmluhom aktar kompetittivi fis-suq tax-xogħol. Prijorità oħra li għandna hawnhekk hija t-tnaqqis tar-rata ta’ żgħażagħ li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien, flimkien mat-titjib tal-opportunitajiet ta’ edukazzjoni vokazzjonali u terzjarja.
Amministrazzjoni pubblika aktar b’saħħitha: Il-FSE sejjer jappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri sabiex itejbu l-kwalità tal-governanza u l-amministrazzjoni pubblika u b’hekk ikun qiegħed jappoġġja r-riformi strutturali tagħhom billi jagħtihom il-kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi meħtieġa.