Navigation path

Nibżgħu għall-karrieri

Billi l-globalizzazzjoni tagħmel il-proċess tal-bidla stil ta’ ħajja, jeħtieġ li l-ħaddiema tal-UE jaddattaw irwieħhom iżjed u jaċċettaw il-bidla, sabiex b’hekk ikunu jistgħu jtejbu l-impjegabilità tagħhom. Dawk li jħaddmu qegħdin jgħinu wkoll, permezz ta’ appoġġ mill-FSE, sabiex jantiċipaw il-ħtiġijiet tal-ħiliet fil-ġejjieni u joffru lill-ħaddiema l-opportunitajiet ta’ żvilupp li huma meħtieġa sabiex jadattaw għal teknoloġiji u swieq ġodda.

Kemm il-ħaddiema kif ukoll l-impriżi qegħdin jiffaċċjaw sfidi u bidliet ġodda fil-mudelli tax-xogħol. Sabiex jibbenifikaw minn dawn il-bidliet, il-ħaddiema u l-kumpaniji għandhom isiru aktar flessibbli u jitgħallmu jgħixu bil-bidla – sabiex jantiċipaw u jiġġestixxu din il-bidla.

  • Sabiex jgħinu lill-ħaddiema tal-UE jilqgħu l-bidla u l-flessibbiltà, il-proġetti tal-FSE qegħdin jieħdu firxa ta’ miżuri. Il-ħaddiema qegħdin jiġu offruti opportunitajiet ta’ taħriġ  li jagħtuhom il-ħiliet li jeħtieġ is-suq tax-xogħol dejjem jevolvi. Fejn ikun hemm theddida ta’ qgħad, it-taħriġ jgħin ukoll lil dawk li jkunu taħt din it-theddida sabiex jerġgħu jorjentaw irwieħhom f’industriji li qegħdin jikbru fejn ikun hemm domanda ta’ ħiliet.
Istockphoto/16749998
  • Huwa mħeġġeġ ukoll il-fatt li l-karriera tiġi ġestita b’mod aktar attiv, b’mod partikolari billi n-nies jiġu megħjunin jirrikonoxxu l-ħtiġijiet futuri fir-rigward tal-karriera tagħhom u jippjanaw għalihom, sikwit permezz ta’ programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja. Il-FSE jappoġġja wkoll l-iskemi ta’ mobilità tal-ħaddiema li jħeġġu lill-individwi jmorru f’reġjuni fejn ikun hemm impjiegi disponibbli.
  • Ir-responsabbiltà sabiex jitgħallmu jadattaw ma taqax fuq l-individwi weħidhom. Il-gvernijiet, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, it-trejdunjins, is-servizzi tal-impjiegi u l-kumpaniji ta’ kull daqs qegħdin jinvolvu ruħhom fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ impjieg attiv. Dan ifisser l-immodernizzar tal-istituzzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-impjiegi u li dawn ibiddlu l-enfasi tagħhom lil hinn milli jirreaġixxu għall-għeluq tal-kumpaniji u t-telf tal-impjiegi u jimxu lejn ippjanar aktar fit-tul u l-antiċipazzjoni tal-bidla.

Barra minn hekk, il-proġetti tal-FSE qegħdin jippromwovu t-‘tixjiħ attiv’ fost ħaddiema u persuni akbar fl-età li qegħdin ifittxu x-xogħol. Dawn il-proġetti jħeġġuhom itejbu l-ħiliet eżistenti tagħhom, li jista’ jkun għadda żmienhom – sabiex jitħarrġu f’ħiliet ġodda, fejn ikunu meħtieġa, iħaddnu teknoloġiji ġodda u għarfien fl-IT, kif ukoll jiddiskutu l-bidliet fil-prattiċi tax-xogħol ma’ dawk li jħaddmuhom. Qegħdin jintużaw strateġiji mfassla apposta sabiex iħeġġu lil persuni akbar fl-età jibqgħu jaħdmu għal aktar fit-tul u jkomplu jagħmlu kontribuzzjonijiet siewja – fattur vitali fil-ġlieda kontra l-konsegwenzi ta’ forza tax-xogħol li qiegħda tixjieħ. Bl-istess mod, hemm inizjattivi speċifiċi li jħeġġu lin-negozji jħaddmu persuni akbar fl-età.