Navigation path

Ħolqien ta' opportunitajiet għaż-żgħażagħ

Iż-żgħażagħ li ħallew l-edukazzjoni u t-taħriġ u li qegħdin ifittxu x-xogħol jistgħu jiffaċċjaw ostakoli sinifikanti għal firxa wiesgħa ta’ raġunijiet. Barra minn hekk, il-kriżi finanzjarja u ekonomika wasslet għal livelli ta’ qgħad għoljin ħafna f’dan il-grupp. Il-FSE qiegħed jiddedika riżorsi sinifikanti bil-għan li jgħin lil dawn iż-żgħażagħ jagħmlu l-ewwel passi fis-suq tax-xogħol.

Fl-Ewropa hemm madwar 94 miljun żgħażugħ u żgħażugħa fl-età ta’ bejn 15 u 29 sena. Ħafna għadhom qegħdin jattendu l-iskola jew qegħdin jirċievu edukazzjoni u taħriġ ulterjuri, filwaqt li oħrajn sabu xogħol u qegħdin jibnu l-karrieri tagħhom. Madankollu, proporzjon sinifikanti ta’ dawn iż-żgħażagħ jinsab bla xogħol – u fost dawn hemm ħafna li qatgħu qalbhom li jistgħu jsibu impjieg. Il-FSE qiegħed jiffinanzja eluf ta’ proġetti u programmi madwar l-Ewropa li qegħdin jgħinu liż-żgħażagħ jiksbu l-għarfien prattiku u l-opportunitajiet li jeħtieġu sabiex ikunu jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Qiegħda ssir enfasi speċifika fuq l-għoti ta’ għajnuna lil dawk li bħalissa jinsabu barra mill-Edukazzjoni, mill-Impjieg jew mit-Taħriġ (NEETs fi kliem uffiċjali).

  • Ħafna attivitajiet tal-FSE joffru opportunitajiet ta’ taħriġ sabiex jagħtu liż-żgħażagħ li jkunu qegħdin ifittxu x-xogħol dawk il-ħiliet u l-kwalifiki li huma fid-domanda fis-suq tax-xogħol, inklużi ħiliet ekoloġiċi li huma meħtieġa dejjem aktar. Minħabba li ż- żgħażagħ bi kwalifiki baxxi għandhom ċans akbar li jkunu qiegħda minn dawk li għandhom il-kwalifiki, il-proġetti tal-FSE jiffokaw fuq l-għoti lil dan il-grupp tal-ħiliet relatati max-xogħol li jistgħu tabilħaqq iwasslu għal impjieg stabbli.
  • Iż-żgħażagħ jistgħu jkunu inċerti dwar il-proċess tat-tfittxija għax-xogħol. Il-proġetti tal-FSE qegħdin jappoġġjawhom bi gwida individwali għall-karriera, il-kitba tas-CV u ħiliet siewja għall-intervisti; u sikwit jakkumpanjawhom matul il-proċess tal-applikazzjoni għall-impjiegi u fl-ewwel ftit xhur fix-xogħol.
Istockphoto/17137019
  • L-apprendistati, it-taħriġ intern organizzat mill-kumpaniji u l-esperjenzi prattiċi ta’ xogħol għal żmien qasir huma appoġġjati ħafna, sikwit b’mod parallel ma’ korsijiet ta’ taħriġ. Billi jaħdmu ma’ impjegaturi potenzjali u ta’ spiss jipprovdu appoġġ finanzjarju, il-programmi tal-FSE qegħdin jagħtu lil ħafna għexieren ta’ eluf ta’ żgħażagħ iċ-ċans li jgħixu r-realtà tax-xogħol u jiksbu ħiliet relatati max-xogħol u esperjenza tax-xogħol siewja. Tali inizjattivi jtejbu l-prospetti tax-xogħol u sikwit jirriżultaw f’pożizzjonijiet permanenti.
  • Il-mobilità hija aspett ieħor li jiffokaw fuqu l-attivitajiet tal-FSE. Il-proġetti qegħdin jagħtu liż-żgħażagħ il-ħiliet lingwistiċi u l-esperjenzi prattiċi ta’ xogħol barra l-pajjiż li jistgħu jgħinuhom jiċċaqilqu madwar l-UE f’postijiet fejn il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom ikunu fid-domanda.

L-Inizjattiva L-Impjieg taż-Żgħażagħ

Appoġġ addizzjonali għaż-żgħażagħ jiġi mill-Inizjattiva L-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI). Din l-inizjattiva tagħmel mill-inqas EUR 6 biljuni disponibbli għar-reġjuni u individwi li jkunu qed jitħabtu l-iktar bil-qgħad u bl-inattività fost iż-żgħażagħ. Il-YEI tikkonċentra fuq in-NEETs u fuq ir-reġjuni li jesperjenzaw rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ li jisbqu l-25%. Timmira li tagħmel ċert li f'dawk ir-reġjuni fejn l-isfidi huma l-aktar akuti, il-livell ta' appoġġ għal kull persuna żagħżugħa jkun biżżejjed sabiex jagħmel differenza reali.

Il-YEI sejra tamplifika l-appoġġ ipprovdut mill-FSE għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ li timmira li tiżgura li ż-żgħażagħ kollha sal-età ta' 25 sena jirċievu offerta ta' kwalità tajba ta' impjieg, edukazzjoni kontinwata, apprendistat jew traineeship fi żmien erba' xhur minn meta jitilqu mill-edukazzjoni formali jew jisfaw bla xogħol. B'mod parallel, il-FSE qiegħed jipprovdi finanzjament importanti għar-riforma strutturali fit-tul meħtieġa u investiment fil-futur taż-żgħażagħ u l-ekonomija.