Navigation path

Niftħu mogħdijiet ġodda għax-xogħol

Il-proġetti tal-finanzjament mill-FSE qegħdin jgħinu lil miljuni ta' nies ifittxu xogħol sabiex isibu impjieg. Barra minn hekk, l-għajnuna mill-FSE tpoġġi fokus partikolari fuq dawk li jsibuha aktar diffiċli sabiex isibu xogħol minn oħrajn għal raġunijiet diversi, pereżempju minħabba li l-ħiliet tagħhom issa huma antikwati jew minħabba li ma għandhom ebda kwalifiki.

Kulħadd jiffaċċja l-isfida li jfittex xogħol xi darba, normalment aktar minn darba. Madankollu ċirkostanzi individwali jistgħu jagħmlu din it-tfittxija differenti ħafna għal ħafna nies. Għaldaqstant, li n-nies jingħataw l-għajnuna li jeħtieġu biex isibu xogħol teħtieġ approċċ xieraq, adattat għall-ħtiġijiet ta’ dawk li qegħdin ifittxu xogħol.

  • Gruppi ta’ ħaddiema mħarrġa mhedda bil-qgħad minħabba li l-industrija tagħhom sejra ħażin qegħdin jirċievu pariri ffinanzjati mill-FSE u, jekk meħtieġ, taħriġ mill-ġdid f'ħiliet ġodda għax-xogħlijiet li hemm domanda għalihom. Spiss, dawn il-ħiliet il-ġodda huma meħtieġa hekk kif industriji jaddattaw għall-ekonomija b’ammont baxx ta’ karbonju. Il-FSE qiegħed jappoġġa wkoll il-mobilità għax-xogħol, qiegħed jgħin bil-ħiliet lingwistiċi u l-apprendistati għal dawk li jixtiequ jivvjaġġaw madwar l-Ewropa biex isibu xogħol.
  • Għal dawk bi ftit jew b’ebda kwalifiki, il-programmi tal-FSE joffu taħriġ u kwalifiki  li jwasslu għal prospetti ta’ xogħol aħjar. U dawk li ilhom qiegħda – li spiss ikunu tilfu l-ħeġġa u jkunu inattivi – huma mmotivati u mogħtija l-gwida u l-ħiliet li għandhom bżonn sabiex jirritornaw għax-xogħol u jgawdu indipendenza finanzjarja.
  • Madwar l-Ewropa kollha, ħafna ġenituri, b’mod speċjali n-nisa, jieħdu pawża mill-karriera tagħhom sabiex irabbu t-tfal – madankollu, meta jipprovaw imorru lura għax-xogħol, jistgħu jsibu li l-ħiliet tagħhom huma skaduti u l-faċilitajiet għall-kura tat-tfal huma nieqsin. Il-FSE qiegħed jgħinhom jaġġornaw il-ħiliet tagħhom u jibbilanċjaw ir-responsabilijiet bejn ix-xogħol u l-ħajja tagħhom.
Shutterstock/84634720
  • Il-FSE iħeġġeġ ukoll l-intraprenditorija bħala mod fil-ħajja tax-xogħol. In-nisa f’ambjenti rurali huma appoġġati sabiex jiftħu għal rashom sabiex jaqdu s-swieq lokali u turistiċi. L-artisti u l-professjonisti kreattivi jiksbu t-taħriġ u l-pariri kummerċjali li jkunu jeħtieġu sabiex joffru servizzi innovattivi lill-kumpaniji. Ġenituri b’responsabilitajiet ta’ kura tat-tfal huma offruti l-ħiliet fl-IT sabiex jistabbilixxu negozji online u bbażati d-dar.
  • Proġetti tal-FSE qegħdin iwessgħu wkoll opportunitajiet ta’ karrieri billi jegħlbu l-preġudizzji tradizzjonali fl-għażliet tal-karriera tagħhom. Pereżempju, kumpaniji u organizzazzjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza u t-teknoloġija jorganizzaw open days nazzjonali għal nisa żgħar fl-età – sabiex juruhom l-attrazzjonijiet ta’ karriera teknika. Bl-istess mod, irġiel żgħażagħ jiġu introdotti għall-potenzjal tal-professjonijiet ta' kura – bħas-servizzi tas-saħħa u tagħlim fi skejjel għal tfal żgħar ħafna.

Madwar l-Ewropa, il-proġetti tal-FSE qegħdin jgħinu lil miljuni ta’ individwi jiffaċċjaw firxa ta’ sfidi sabiex jiksbu aċċess aħjar għax-xogħlijiet. Il-FSE qiegħed jgħin itejjeb il-bilanċ bejn is-sessi fix-xogħlijiet; qiegħed jgħin lin-nies jieħdu perspettiva fit-tul tal-karrieri u tal-ħiliet tagħhom li se jkollhom bżonn; qiegħed jiddedika riżorsi enormi sabiex jitnaqqas in-numru ta' nies li ilhom qiegħda; u qiegħed jgħin lil firxa wiesgħa ta' nies li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet sabiex isibu xogħol, sabiex jegħlbu ostakoli, jitgħallmu ħiliet u jsibu xogħol.