Navigation path

Insaħħu l-impjiegi u l-mobilità

L-għan tal-FSE huwa li jagħti liċ-ċittadini Ewropej prospetti ta’ xogħlijiet aħjar u li jgħinhom jirnexxu fil-karrieri li huma jagħżlu. Dan huwa speċjlament minnu illum hekk kif il-kriżi ekonomika qiegħda thedded kemm lill-ħaddiema kif ukoll lin-negozji li jimpjegawhom. Il-FSE qiegħed jirdoppja l-isforzi tiegħu biex isaħħaħ il-ħolqien tax-xogħol, jappoġġa lil dawk li qegħdin ifittxu x-xogħol u jgħin lin-nies iżommu xogħolhom madwar l-Ewropa kollha.

Il-ħidma tal-FSE sabiex isaħħaħ l-impjiegi għandha fil-mira tagħha lis-setturi u lill-gruppi ta’ nies li jistgħu jibbenefikaw kollha. Madankollu, hemm fokus fuq gruppi li qegħdin isofru l-iktar jew li jistgħu jibbenefikaw b’mod sinifikanti mill-attivitajiet tal-FSE f’dawn l-oqsma:

Madwar l-Ewropa, il-proġetti tal-FSE qegħdin jappoġġaw il-ħolqien tax-xogħol, il-ftuħ ta' opportunitajiet ġodda ta' xogħol għal aktar nies u t-tħajjir ta' aktar minnhom fil-forza tax-xogħol. Dawn l-isforzi – li jinkludu eluf ta’ programmi u proġetti – ikopru firxa wiesgħa ta’ attivitajiet u gruppi ta’ nies.

Istockphoto/3349474

Pereżempju, persuni qiegħda għal żmien twil qegħdin jiġu megħjunin jiksbu ħiliet ġodda u jiggwadanjaw mill-ġdid il-motivazzjoni tagħhom. F’industriji li sejrin ħażin, il-FSE qiegħed jagħti lill-impjegati ħiliet produttivi u opportunitajiet ġodda, spiss għal setturi ġodda u li qegħdin jikbru bħal dawk li jiffurmaw parti mill-ekonomija b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju. Il-ġenituri qegħdin jiġu megħjunin jirritornaw għax-xogħol permezz ta’ aċċess għal faċilitajiet ta’ kura tat-tfal, u permezz ta’ arranġamenti ta' xogħol flessibbli. In-nisa huma mħeġġa li jassumu xogħlijiet tekniċi, filwaqt li l-irġiel qegħdin jiġu mħarrġa fil-professjonijiet tal-kura u tat-tagħlim li normalment huma ddominati min-nisa. Madwar l-Ewropea, il-FSE qiegħed jagħti lil dawk li qegħdin ifittxu x-xogħol u lill-ħaddiema l-ħiliet u l-prospetti li jwasslu għal aktar għażla u aktar kontroll f’ħajjithom.

Il-kriżi ġabet magħha qgħad kbir – aktar minn 25 miljun ruħ fl-UE fl-2012. U l-qgħad għal żmien twil qiegħed jiżdied ukoll. Madankollu, f’bosta postijiet, il-postijiet tax-xogħol battala jibqgħu ma jimtlewx, forsi minħabba l-applikanti għax-xogħlijiet ma għandhomx il-ħiliet meħtieġa jew ix-xogħlijiet offruti qegħdin f’reġjun jew f’pajjiż ieħor. Il-FSE qiegħed jagħlaq din id-‘diskrepanza fil-ħiliet’ billi jagħti lil dawk li qegħdin ifittxu xogħol il-ħiliet moderni u l-kwalifiki – inkluż ‘ħiliet ġodda’ – li huma mitlubin mill-impjegaturi. Il-FSE jgħin ukoll lil dawk li qegħdin ifittxu xogħol sabiex jimxu madwar l-Ewropa biex isibu xogħol – pereżempju, b’apprendistati barra minn pajjiżhom u taħriġ lingwistiku.