Navigation path

Nippromwovu l-intraprenditorija soċjali

Il-FSE qiegħed jappoġġa b’mod attiv l-istabbiliment ta’ intrapriżi soċjali bħala sors ta’ xogħlijiet, b’mod partikolari għal gruppi ta’ nies li jsibuha diffiċli sabiex isibu xogħol għal firxa ta’ raġunijiet. Dawn jinkludu persuni żgħażagħ li ilhom qiegħda żmien twil u persuni f’komunitajiet rurali.

Bħala organizzazzjonijiet, intrapriżi soċjali jinsabu bejn is-settur pubbliku u dak privat. Filwaqt li jaħdmu fuq bażi kummerċjali, l-għan primarju tagħhom huwa dak li jaqdu lill-komunitajiet tagħhom b’mod wieħed jew b’diversi modi. Dan jinkludi l-ħolqien ta’ opportunitajiet tax-xogħol għal nies li inkella jistgħu jibqgħu bla xogħol . Eżempju huwa ħanut ta’ ħwejjeġ użati li nfetaħ f’raħal. Dan jimpjega persuni b’disabilità sabiex jiġbru, jagħżlu, inaddfu u jbiegħu mill-ġdid ħwejjeġ użati. Eżempju ieħor huwa kumpanija stabbilita f’reġjun rurali li tħarreġ lil nisa fil-ħiliet li n-negozji rurali għandhom bżonn, jew tgħinhom jistabbilixxu ruħhom bħala ħaddiema li jaħdmu għal rashom sabiex jaqdu s-settur tat-turiżmu, jew il-bejgħ ta' prodotti tal-irziezet lokali. Hemm bosta varjazzjonijiet ta’ intrapriża lokali u dawn jistgħu jkunu innovattivi sew fl-approċċi tagħhom.

Shutterstock/108462653

Il-FSE jappoġġa firxa wiesgħa ta’ intrapriżi soċjali bħal dawn li jindirizzaw gruppi li jħabbtu wiċċhom ma’ ostakoli fuq il-post tax-xogħol: bħal persuni b’disabilità, dawk bi problemi tas-saħħa mentali, dawk li wettqu xi reat, komunitajiet marġinalizzati u bosta oħrajn.

Dan l-appoġġ jieħu bosta għamliet. Jista’ jinvolvi t-taħriġ amministrattiv għal dawk li jmexxu l-intrapriżi, joffri ħiliet fir-riżorsi umani, fil-liġi tal-impjiegi, is-saħħa u s-sigurtà, u x-xorta. Jew jista’ jinkludi l-ħiliet tekniċi speċifiċi li jkollha bżonn intrapriża: għarfien tas-sengħa tat-turiżmu, ħiliet fil-bejgħ u l-promozzjoni, jew ħiliet u għarfein fir-reklamar ta’ kumpaniji lokali li jkunu għadhom kif fetħu. Il-FSE jappoġġa wkoll lill-intrapriżi soċjali sabiex isibu appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet tagħhom, u fl-iżgurar li dawn jibqgħu sostenibbli għal perjodu ta’ żmien twil.