Navigation path

Biex int tilħaq aktar

Il-proporzjon ta’ impjiegi b’ħiliet għoljin fl-ekonomija qiegħed jiżdied u l-Ewropa teħtieġ aktar nies b’edukazzjoni f’livell terzjarju. Il-FSE qiegħed jiffinanzja titjib innovattiv fit-tagħlim f’livell terzjarju, jappoġġja sħubiji mal-industrija u jiftaħ il-parteċipazzjoni għal nies li mhumiex irrappreżentati biżżejjed fl-edukazzjoni ogħla.

Provvista aħjar ta’ nies b’edukazzjoni għolja hija vitali għall-ġid ekonomiku tal-Ewropa b’mod ġenerali. Huma l-gradwati mill-universitajiet u minn istituzzjonijiet oħrajn li joffru edukazzjoni f’livell terzjarju li b’mod ġenerali jipprovdu l-ħiliet maniġerjali, it-talent xjentifiku u artistiku u l-għarfien dwar l-inġinerija sabiex imexxu lill-Ewropa ’l quddiem fl-ekonomija diġitali li qiegħda tikber.

  • Għalhekk, il-FSE qiegħed jappoġġa bil-qawwa aċċess usa’ lill-universitajiet u l-kulleġġi, kif ukoll attivitajiet sabiex itejbu l-kwalità tagħhom. L-istudenti minn gruppi vulnerabbli u mhux irrappreżentati biżżejjed, bħal minoranzi etniċi, jiġu megħjuna jidħlu fl-edukazzjoni terzjarja, l-istess bħall-istudenti adulti.
  • L-istituzzjonijiet li joffru edukazzjoni terzjarja qegħdin jiġu megħjuna wkoll sabiex jiżviluppaw kurrikuli u metodi ta’ tagħlim ġodda u innovattivi – bħal tagħlim ibbażat fuq l-IT. Dawn jikkontribwixxu għal riżorsi edukattivi aktar miftuħa, billi jappoġġjaw l- opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja għall-ħaddiema u għal dawk li qegħdin ifittxu x-xogħol li jeħtieġ li jtejbu l-ħiliet tagħhom.
Shutterstock/41035354
  • Qiegħed jingħata appoġġ lis-sħubiji u n-netwerking bejn l-universitajiet u l-kulleġġi li joffru taħriġ vokazzjonali u l-impjegaturi lokali u reġjonali, kemm sabiex l-istudenti jiġu introdotti għal impjegaturi potenzjali kif ukoll sabiex in-negozju jingħata vuċi fid-dinja akkademika u jiġi żgurat li l-kwalifiki tal-gradwati jkunu rilevanti għall-impjiegi u l-mogħdijiet tal-karriera li huma disponibbli.
  • Il-proġetti tal-FSE qegħdin joffru lill-istudenti korsijiet fl-intraprenditorija, is-solvien tal-problemi u ħiliet kreattivi li jikkumplimentaw l-istudji magħżula minnhom u li jpoġġuhom f’pożizzjoni aħjar fid-dinja tax-xogħol. Id-dipartimenti tar-riċerka fl-universitajiet qegħdin jirċievu fondi sabiex ikunu jistgħu jħarrġu lil aktar studenti li diġà ggradwaw (postgraduates) u huma appoġġjati sabiex jibnu netwerks trans-Ewropej ma’ gruppi ta’ riċerka oħrajn.

B’mod ġenerali, l-aċċess usa’ għall-edukazzjoni terzjarja u għall-universitajiet u l-kulleġġi li jipprovduha huwa prijorità tal-FSE. Aċċess usa’ jfisser li n-nisa jiġu mħeġġa jagħżlu suġġetti tekniċi fejn mhumiex irrappreżentati biżżejjed – pereżempju, permezz tal-promozzjoni tan-netwerking u billi jiġu mistiedna akkademiċi nisa prominenti li jistgħu jaġixxu bħala mudelli. Barra minn hekk, gruppi żvantaġġjati jiġu megħjuna sabiex jipparteċipaw, b’inizjattivi li jħeġġu lil immigranti, persuni b’diżabilità u Roma żgħażagħ sabiex jidħlu għall-isfida tal-edukazzjoni ogħla u jiżviluppaw it-talenti tagħhom.