Navigation path

Niftħu bibien għat-tagħlim

Il-FSE qiegħed jgħin lil aktar żgħażagħ biex jibqgħu jattendu l-iskola u jiksbu l-kwalifiki li jeħtieġu għal impjieg u karriera. Huwa qiegħed jiżgura wkoll aċċess usa’ għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja bi proġetti li jgħinu lil tfal minn gruppi żvantaġġjati u minoranzi sabiex jiksbu l-kwalifiki edukattivi li huma importanti.

Wieħed minn kull ħames Ewropej żgħażagħ jitilqu mill-iskola kmieni u ma jkomplux l-edukazzjoni sekondarja tagħhom – dawn jammontaw għal total ta’ madwar 6 miljuni kull sena. Dan ma huwa xejn inqas minn diżastru għall-prospetti tax-xogħol tagħhom u għaċ-ċansijiet tagħhom li jisfruttaw l-abbiltajiet tagħhom bl-aħjar mod. It-tluq bikri mill-edukazzjoni sekondarja jagħlaq wisq bibien għas-suċċess u għall-iżvilupp tal-karriera. Għal din ir-raġuni, il-FSE jappoġġja inizjattivi madwar l-Ewropa sabiex jgħin liż-żgħżagħ jibqgħu l-iskola u jiksbu l-ħiliet u l-kwalifiki li jiftħulhom il-bibien għal impjiegi tajbin u karrieri ta’ sodisfazzjon.

  • Ħafna proġetti tal-FSE li għandhom l-għan li jnaqqsu t-tluq bikri mill-iskola jieħdu l-approċċ personali. Studenti individwali li jkunu ġew identifikati bħala li jinsabu f’riskju jingħataw taħriġ u gwida dwar l-aspirazzjonijiet tal-karriera u l-kwalifiki li jeħtieġu. Fl-iskejjel, l-għalliema u dawk li joffru gwida għall-karriera qegħdin jiksbu t-taħriġ li jeħtieġu sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw lil dawn iż-żgħażagħ u jaħdmu magħhom.
Istockphoto/2062528
  • Sabiex jitrawwem l-entużjażmu fost iż-żgħażagħ, jiġu organizzati żjarat fil-fabbriki u fil-kumpaniji b’kooperazzjoni mal-kumpaniji lokali – sabiex juru lill-istudenti għal xiex jistgħu jaspiraw u x’jeħtieġu biex jaslu hemmhekk.
  • Fi proġetti oħrajn, il-familji ta’ żgħażagħ li jinsabu f’riskju – li jista’ jkollhom livell baxx ta’ ħiliet huma stess – jiddaħħlu fl-isforzi sabiex l-istudenti jinżammu fl-iskola. L-istudenti li jinsabu f’riskju jistgħu jkunu ġejjin minn gruppi żvantaġġjati partikolari, bħal komunitajiet ta’ immigranti jew minoranzi Roma. F’każijiet bħal dawn, il-proġetti tal-FSE jitfasslu għal kull sitwazzjoni partikolari – joffru ħiliet lingwistiċi, jippromwovu mudelli u jipprovdu opportunitajiet ta’ tagħlim għal dawk li jaqgħu lura, jekk ikun hemm bżonn.
  • Barra minn hekk, jittellgħu programmi tat-televiżjoni orjentati lejn it-teknoloġija, inizjattivi fuq l-internet, kompetizzjonijiet, esebizzjonijiet, wirjiet u avvenimenti b’appoġġ mill-FSE sabiex l-istudenti tal-iskola jiġu esposti għall-ħafna opportunitajiet li jistgħu joffrulhom is-setturi tekniċi u tat-teknoloġija tal-informatika fil-karrieri futuri tagħhom.