Navigation path

Edukazzjoni aħjar

Madwar l-UE, il-FSE qiegħed jiffinanzja inizjattivi maħsuba biex itejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ u biex jiżguraw li ż-żgħażagħ ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom u jiksbu l-ħiliet li jagħmluhom aktar kompetittivi fis-suq tax-xogħol. It-tnaqqis tar-rati ta’ tluq bikri mill-iskola huwa prijorità kbira hawnhekk, flimkien mat-titjib tal-opportunitajiet ta’ edukazzjoni vokazzjonali u terzjarja.

Il-programmi u l-proġetti tal-FSE qegħdin jgħinu sabiex tittejjeb il-prestazzjoni fis-settur kollu tal-edukazzjoni, mill-iskejjel tat-tfal żgħar għall-iskejjel u l-universitajiet sas-sistemi ta’ tagħlim tul il-ħajja u taħriġ vokazzjonali. Dawn qegħdin jimmiraw li jiksbu tliet riżultati ewlenin:

L-appoġġ tal-FSE għall-edukazzjoni jkopri firxa wiesgħa ta’ attivitajiet. Qegħdin jiġu implimentati kurrikuli skolastiċi ġodda sabiex iż-żgħażagħ jingħataw bidu aħjar fil-ħajja, filwaqt li l-għalliema qegħdin jirċievu taħriġ sabiex itejbu l-prestazzjoni tagħhom. Minbarra edukazzjoni ġenerali, l-istudenti qegħdin jitgħallmu l-ħiliet li għandhom jgħinuhom jagħżlu l-karrieri li jridu u jassumu l-impjiegi li huma meħtieġa mill-industrija.

Istockphoto/18501706

Il-FSE qiegħed jgħin lill-universitajiet u lill-istituzzjonijiet tat-taħriġ vokazzjonali jibnu relazzjonijiet aktar mill-qrib man-negozji u l-impjegaturi fil-pajjiżi u r-reġjuni tagħhom – b’tali mod li l-gradwati jkunu jistgħu jimxu bla xkiel mit-tagħlim għad-dinja tax-xogħol. Barra minn hekk, ir-riċerka u l-iżvilupp fil-livell postgraduate fl-università qegħdin jiġu appoġġjati mill-fondi tal-FSE sabiex jiżdied in-numru ta’ imprendituri u innovaturi żgħażagħ, b’mod partikolari f’setturi ta’ teknoloġija għolja.

Minbarra li jagħti xprunatura lis-sistemi edukattivi, il-FSE qiegħed jiffoka wkoll fuq il-klijenti tagħhom – it-tfal tal-iskola, l-istudenti universitarji, il-ħaddiema u dawk li qegħdin ifittxu x-xogħol li jeħtieġu taħriġ u ħiliet ġodda. Ħafna proġetti qegħdin jieħdu passi sabiex inaqqsu t-tluq bikri mill-iskola u jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom ħiliet u kwalifiki xierqa – b’mod partikolari fost gruppi vulnerabbli bħal minoranzi u dawk bi sfond ta’ immigrant. Oħrajn qegħdin jiżguraw li l-ħaddiema u dawk li qegħdin ifittxu x-xogħol jinvolvu rwieħhom f’opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja sabiex iżommu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom aġġornati hekk kif jevolvu l-ħtiġijiet tal-industriji u l-ekonomija.