Navigation path

Taħriġ li jiswa

Id-dinja tan-negozju u tax-xogħol qiegħda tevolvi l-ħin kollu u dan il-proċess qiegħed jaċċellera. Prodotti, servizzi u teknoloġiji ġodda jeħtieġu ħiliet ġodda mill-ħaddiema. Il-FSE qiegħed jibni kultura ta’ taħriġ u tagħlim tul il-ħajja sabiex il-ħaddiema u dawk li jħaddmu jkunu jistgħu jżommu l-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom aġġornati.

It-tagħlim ma għadux jieqaf mal-grada tal-iskola. Minflok, huwa sar proċess tul il-ħajja. Hekk kif jitfaċċaw prodotti u servizzi ġodda, hekk kif jiġu adottati teknoloġiji u proċessi innovattivi, hekk kif l-impriżi u s-setturi industrijali jirristrutturaw lilhom infushom sabiex isiru aktar kompetittivi, hekk ukoll il-ħaddiema tal-Ewropa għandhom jadattaw għal ambjent fejn it-tibdil huwa normali u l-ħiliet ġodda huma dejjem mixtieqa. Ħafna eluf ta’ proġetti tal-FSE qegħdin jgħinu lill-ħaddiema jiksbu dawn il-ħiliet ġodda u jieħdu kontroll tal-karrieri tagħhom.

  • Billi jaħdmu mal-imsieħba soċjali, il-proġetti tal-FSE qegħdin jippromwovu l-iżvilupp tal-ħiliet u t-taħriġ, b’mod partikolari għal kompetenzi trasferibbli bħal ħiliet diġitali, lingwi u intraprenditorija. Pereżempju, fejn is-setturi industrijali tradizzjonali qegħdin jonqsu u fejn tinħass it-theddida tat-telf tal-impjiegi, il-FSE jiffinanzja skemi ta’ taħriġ mill-ġdid sabiex jgħin lill-ħaddiema jiksbu l-ħiliet li jeħtieġu biex jaħdmu f’setturi ġodda.
Shutterstock/114470710
  • Dawk li jipprovdu l-edukazzjoni vokazzjonali jiġu megħjuna jallinjaw it-tagħlim tagħhom mad-domandi tas-suq tax-xogħol, billi jinkoraġġixxu aktar apprendistati u skemi ta’ apprendisti tal-kumpaniji.
  • Sabiex tittejjeb il-mobilità tal-ħaddiema, l-iskemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità għall-edukazzjoni vokazzjonali qegħdin jiġu allinjati mal-istandards Ewropej. Barra minn hekk, il-FSE qiegħed jgħin sabiex jiftaħ mogħdijiet flessibbli permezz tas-sistema ta’ edukazzjoni u taħriġ, inkluż l-iżvilupp ta’ kwalifiki f’livell Ewropew.

Minbarra li jgħin lil mijiet ta’ eluf ta’ individwi jiksbu aċċess għat-taħriġ li jridu, il-FSE qiegħed ukoll iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u l-universitajiet li joffru taħriġ vokazzjonali sabiex itejbu r-rilevanza u l-firxa ta’ korsijiet li joffru lil kumpaniji u individwi. B’mod partikolari, għandu jiġi żgurat li dak li jiġi mgħallem huwa tabilħaqq dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb impjieg, li tittejjeb il-prestazzjoni u li jiġu offruti prospetti ta’ xogħol aħjar lill-apprendisti.