Navigation path

Ninċentivaw in-negozju

Is-suċċess tan-negozji u tal-industrija tal-UE huwa vitali sabiex jiżdied ix-xogħol u jinħolqu impjiegi ġodda u impjiegi aħjar. Ħafna minn dan is-suċċess huwa mibni fuq il-kwalità u l-ħiliet tal-ħaddiema u fuq l-abbiltà tagħhom li jadattaw għall-bidla. Huwa għalhekk li ħafna intraprendituri u negozji jużaw l-għajnuna tal-FSE sabiex isaħħu l-kompetenzi u l-flessibbiltà tal-aktar riżorsa siewja li għandhom – il-ħaddiema tagħhom.

Jitgħallmu jadattaw

Fl-Ewropa, hemm madwar 23 miljun negozju u 99% minnhom huma negozji żgħar, li jipprovdu tnejn minn kull tliet impjiegi fis-settur privat. Il-kumpaniji u l-ħaddiema joperaw f’ambjent li qiegħed jinbidel b’pass mgħaġġel immexxi minn integrazzjoni ekonomika globali dejjem tiżdied u l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda. Sabiex jirnexxu, huma għandhom isiru aktar flessibbli – aktar kapaċi jipprevedu u jadattaw għat-tibdil.

  • Il-FSE qiegħed jgħin lill-kumpaniji u lill-ħaddiema jilħqu dawn l-isfidi b’ħafna modi. Pereżempju, jistgħu jkunu meħtieġa ħiliet aħjar sabiex dawk ikkonċernati jkunu jistgħu jikkompetu, filwaqt li metodi ġodda u innovattivi ta’ ħidma jistgħu jtejbu l-prestazzjoni u jattiraw ħaddiema ġodda. L-appoġġ tal-FSE jenfasizza wkoll fuq l-adattament għall-opportunitajiet tal-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.
  • Il-FSE qiegħed jgħin ukoll lill-maniġment itejjeb il-prestazzjoni tal-esportazzjoni li tista’ tiftaħ swieq ġodda u twassal għal tkabbir. Il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet madwar l-UE qegħdin jużaw l-appoġġ tal-FSE sabiex jippjanaw bil-quddiem, itejbu l-prestazzjoni tagħhom, isibu metodi ġodda ta’ ħidma u jżommu u joħolqu impjiegi sostenibbli.

Appoġġ għall-intraprendituri

Istockphoto/20581908

L-għajnuna lin-nies sabiex jistabbilixxu l-kumpaniji tagħhom tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ħolqien tal-impjiegi, li hija r-raġuni għaliex il-FSE irawwem u jinkoraġġixxi l-intraprenditorija f’ħafna forom; bħal grupp ta’ xjenzati li jiftħu kumpanija sabiex jimmanifatturaw l-aħħar invenzjoni tagħhom jew immigrant riċenti li kien imħarreġ bħala dekoratur u li jrid jiftaħ negozju żgħir u jimpjega ftit ħbieb miegħu biex jgħinuh.

  • Il-FSE jgħin lill-intraprendituri u lil dawk li jaħdmu għal rashom b’ħafna modi, inkluż billi jagħtihom appoġġ sabiex jitħarrġu f’ħiliet maniġerjali, legali u finanzjarji bażiċi bil-għan li jkunu jistgħu jiftħu negozju. Xi proġetti jużaw konsulenti kummerċjali sabiex jgħinu lill-intraprendituri fl-ewwel snin kritiċi. Oħrajn jippromwovu netwerks ta’ intraprendituri biex jiskambjaw l-esperjenzi u joffru appoġġ.
  • Barra minn hekk, jista’ jkun diffiċli li wieħed jikseb il-finanzi meħtieġa sabiex jiftaħ negozju jew ikabbar negozju żgħir minħabba li l-bidu ta’ negozju jista’ jġib miegħu bosta riskji u l-banek ma jkunux lesti li jsellfu l-flus. B’reazzjoni għal dan, hemm ħafna eżempji ta’ proġetti ta’ mikrofinanzjament mill-FSE stabbiliti f’pajjiżi tal-UE speċifikament sabiex isellfu l-ammonti relattivament żgħar ta’ kapital li jista’ jkollhom bżonn l-intraprendituri ġodda.