Navigation path

X’inhu l-FSE?

Il-FSE huwa l-istrument ewlieni tal-Ewropa għall-appoġġ tax-xogħlijiet, għall-għajnuna sabiex in-nies isibu xogħlijiet aħjar u għall-iżgurar ta’ opportunitajiet ta’ xogħol aktar ġusti għaċ-ċittadini kollha. Il-FSE jaħdem billi jinvesti fil-kapital uman tal-Ewropa – fil-ħaddiema tagħha, fiż-żgħażagħ tagħha u f’dawk kollha li qed ifittxu xogħol. Il-finanzjament tal-FSE ta’ EUR 10 biljuni fis-sena qiegħed itejjeb il-prospetti tax-xogħol għal miljuni ta’ Ewropej, b’mod partikolari għal dawk li jsibuha diffiċli biex isibu xogħol.

L-Unjoni Ewropea hija impenjata f’li toħloq aktar xogħol u xogħol aħjar u soċjetà soċjalment inklussiva. Dawn il-miri huma fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020 għall-ġenerazzjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostennibbli u inklussiv fl-UE. Il-kriżi ekonomika attwali qiegħda tagħmel dan kollu sfida ferm iktar iebsa. Il-FSE għandu rwol importanti sabiex jiġu ssodisfati l-miri tal-Ewropa, u fit-taffija tal-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika – b’mod speċjali ż-żieda fil-livelli tal-qgħad u tal-faqar.

Tfassil ta’ prijoritajiet

Il-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-UE fi sħubija, jistabbilixxu l-prijoritajiet tal-FSE u kif dan jonfoq ir-riżorsi tiegħu. Prijorità minnhom hija li tiżdied l-adattabilità tal-ħaddiema b’ħiliet ġodda, u jitħaddnu intrapriżi b’modi ġodda ta’ kif jaħdmu. Prijoritajiet oħrajn jiffokaw fuq it-titjib tal-aċċess għall-impjiegi: billi ż-żgħażagħ jiġu megħjuna jagħmlu t-transizzjoni minn skola għal xogħol, jew bit-taħriġ ta’ dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol li huma inqas ikkwalifikati sabiex itejbu l-prospetti tax-xogħol tagħhom. Tabilħaqq, it-taħriġ vokazzjonali u l-opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja sabiex jagħtu lin-nies ħiliet ġodda jiffurmaw parti kbira mill-bosta proġetti tal-FSE. Prijorità oħra tiffoka fuq l-għajnuuna lin-nies li jkunu ġejjin minn gruppi żvantaġġati sabiex isibu xogħol. Din hija parti mit-titjib tal-‘inklużjoni soċjali’ – sinjal tar-rwol importanti li l-impjiegi għandhom fl-għajnuna sabiex in-nies jintegraw aħjar fis-soċjetà u fil-ħajja ta’ kuljum. Il-kriżi finanzjarja wasslet għal irduppjar tal-isforzi sabiex in-nies jinżammu f’impjieg, jew sabiex dawn ikunu megħjunin jirritornaw minnufih għax-xogħol jekk jitilfu xogħolhom.

Proġetti għan-nies

Il-FSE mhuwiex aġenzija tal-impjiegi – ma jirreklamax xogħlijiet. Minflok, qiegħed jiffinanzja għexieren ta’ eluf ta’ proġetti lokali, reġjonali u nazzjonali relatati mal-impjiegi madwar l-Ewropa: minn proġetti żgħar immexxija minn karitajiet distrettwali sabiex jgħinu lil nies b’disabilità lokali jsibu xogħol xieraq, għal proġetti mifruxin madwar in-nazzjon kollu li jippromwovu t-taħriġ fost il-popolazzjoni kollha.

Hemm varjetà kbira fin-natura, id-daqs u l-miri tal-proġetti tal-FSE, u dawn jindirizzaw varjetà kbira ta' gruppi fil-mira ta' dawn il-proġetti. Hemm proġetti immirati lejn is-sistemi edukattivi, l-għalliema u t-tfal tal-iskola; lejn dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol li huma iżgħar jew akbar fl-età; u lejn intraprendituri potenzjali mill-isfondi kollha. In-nies huma l-fokus tal-FSE.