Navigation path

Mistoqsijiet frekwenti

X’inhu l-FSE?

  • Il-Fond Soċjali Ewropew, FSE, ġie stabbilit fl-1957 bit-Trattat ta’ Ruma.
  • Il-FSE huwa wieħed mill-Fondi Strutturali tal-UE, u l-għodda prinċipali għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar fl-Ewropa.
  • Matul il-perjodu 2007 - 2013, il-FSE qiegħed jinvesti bejn wieħed u ieħor €75 biljun madwar l-Unjoni Ewropea. Dan huwa ssupplimentat b’madwar €50 biljun ta’ fondi pubbliċi nazzjonali. Il-Kummissjoni tistma li aktar minn 70 miljun persona sejra tibbenefika minn dawn il-miżuri.

Aktar info dwar il-FSE

X’inhu l-baġit totali tal-FSE?

Il-baġit totali tal-FSE għall-perjodu 2007-2013 jammonta għal madwar €75 biljun, aktar minn €10 biljuni fis-sena. Ko-finanzjament pubbliku nazzjonali u privat itella’ l-ammont totali disponibbli għall-miżuri appoġġjati mill-FSE għal aktar minn €117 biljun.

Għal aktar informazzjoni dwar il-baġit tal-FSE, ara s-sezzjoni tal-FSE dwar l-infiq.

F’liema oqsma huwa attiv il-FSE?

Il-FSE jappoġġja miżuri bħal:

  • it-tagħlim u taħriġ għall-ħaddiema tul il-ħajja;
  • l-organizzazzjoni tax-xogħol;
  • l-appoġġ għal impjegati f’kuntest ta’ ristrutturizzazzjoni;
  • is-servizzi tal-impjiegi
  • l-integrazzjoni ta’ nies żvantaġġjati fis-suq tax-xogħol
  • ir-riformi fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ;
  • in-netwerking ta’ msieħba soċjali u NGOs
  • it-taħriġ f’amministrazzjonijiet u servizzi pubbliċi

Biex issir taf aktar dwar il-prijoritajiet tal-FSE fittex fid-dejtbejż tal- prijoritajiet.

Kif insib dokumentazzjoni dwar il-FSE?

Is-sezzjoni tal-librerija ta’ dan is-sit elettroniku tinkludi verżjonijiet PDF tal-pubblikazzjonijiet kollha tagħna.

X’tip ta’ attivitajiet jikkofinanzja l-FSE?

Il-FSE jikkofinanzja proġetti f’firxa wiesgħa ta’ oqsma relatati mat-titjib tal-opportunitajiet ta’ impjiegi u inklużjoni soċjali, jiddependi fuq il-prijoritajiet stabbiliti mill-Istati Membri.

Fil-paġni tal-attivitajiet tista’ tara ħarsa ġenerali tal-oqsma ffinanzjati.

Ara l-eżempji tal-proġetti sabiex issir taf aktar dwar proġetti konkreti appoġġati mill-FSE.

Min jista’ jirċievi appoġġ finanzjarju mill-FSE?

Negozji kummerċjali, aġenziji pubbliċi u organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt kollha jistgħu japplikaw. Mhuwiex possibbli li tapplika bħala individwu. Organizzazzjoni jew kumpanija trid tissottometti applikazzjoni. Aqra dwar kif tipparteċipa minn hawn.

Il-FSE huwa ġestiti fuq livell nazzjonali u/jew reġjonali: biex issir taf kif tibbenefika mill-appoġġ tal-FSE, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-awtorità ta’ ġestjoni tal-FSE f’pajjiżek jew fir-reġjun tiegħek. Id-dettalji ta’ kuntatt huma mogħtija fis-sezzjoni “appoġġ f’pajjiżek”.

Lista ta’ benefiċjarji tal-FSE hija ppubblikata minn kull Stat Membru.

X’inhi Awtorità ta’ Ġestjoni?

L-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni tal-FSE għandhom uffiċċji nazzjonali u reġjonali. Huma jxerrdu informazzjoni dwar il-FSE, jirċievu u jivvalutaw l-applikazzjonijiet. Huma wkoll responsabbli għat-tqassim tal-fondi u għall-monitoraġġ ta’ proġetti approvati.

Jista’ proġett jikkopera ma’ Stati Membri oħra?

Il-FSE jappoġġja proġetti li jikkoperaw ma’ proġetti jew organizzazzjonijiet fi Stati Membri oħrajn tal-UE.

Iċċekja s-sezzjoni tagħna dwar l-Oqsma ta’ attività għal aktar informazzjoni dwar it-Transnazzjonalità

Fittex fid-database tal-proġetti sabiex issir taf aktar dwar proġetti transkonfinali appoġġjati mill-FSE.

X’inhu Kumitat għall-Monitoraġġ?

Il-Kumitati għall-monitoraġġ jieħdu ħsieb l-implimentazzjoni tal-progarammi tal-FSE. Huma magħmula minn rappreżentanti ta’ awtoritajiet pubbliċi, imsieħba soċjali, NGOs, is-sistema edukattiva u l-Kummissjoni.

Kif inġib il-fondi?

Il-FSE huwa amministrat fuq livell nazzjonali u/jew reġjonali: biex issir taf aktar dwar kif tibbenefika minn appoġġ mill-FSE, jekk jogħġbok, ikkuntattja lill-awtorita’ ta’ ġestjoni tal-FSE tal-pajjiż jew reġjun tiegħek.

Dettalji ta’ kuntatt issibhom fis-Sezzjoni tal-Istati Membri ta’ dan is-sit elettroniku.

Il-FSE jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-istudenti?

Programm Operattiv tal-FSE li għandu l-edukazzjoni bħala prijorità jista’ jiffinanzja għotjiet għall-istudenti.

Fittex fid-dejtabejż tal-prijoritajiet għal aktar informazzjoni dwar il-promozzjoni tal-edukazzjoni bl-appoġġ tal-FSE.

Jekk jogħġbok ara wkoll is-sit elettroniku tal-programm Erasmus, li kull sena jgħin lill-istudenti sabiex jistudjaw u jaħdmu barra minn pajjiżhom: http://ec.europa.eu/education

Wieħed mill-impjegati tagħna ser jipparteċipa f’taħriġ. Liema appoġġ nistgħu aħna - bħala min iħaddem – nirċievu mill-FSE u taħt liema kundizzjonijiet?

Bħala prinċipju, il-FSE jista’ jappoġġja t-taħriġ tal-impjegati. Iżda l-FSE huwa amministrat fuq livell nazzjonali u/jew reġjonali: biex issir taf jekk intix eliġibbli għal appoġġ tal-FSE fil-pajjiż tiegħek, jekk jogħġbok, ikkuntattja lill-awtorità ta’ ġestjoni tal-FSE responsabbli li tista’ ssib id-dettalji ta’ kuntatt tagħha fis-Sezzjoni tal-Istati Membri ta’ dan is-sit elettroniku.

Irridu nistabbilixxu ċentru ta’ taħriġ. Il-FSE jista’ jgħinna?

Fil-prinċipju, il-FSE jista’ jappoġġja lil ċentri ta’ taħriġ.

Madankollu, il-FSE huwa amministrat fuq livell nazzjonali u/jew reġjonali: biex issir taf jekk intix eliġibbli għal appoġġ tal-FSE fil-pajjiż tiegħek, jekk jogħġbok, ikkuntattja lill-awtorità ta’ ġestjoni tal-FSE responsabbli. Id-dettalji ta’ kuntatt jistgħu jinstabu fis-sezzjoni “appoġġ f’pajjiżek”.

Jista’ l-FSE jappoġġja proġett fl-Afrika?

Il-FSE jipprovdi appoġġ fi ħdan l-UE.

Għal assistenza esterna jekk jogħġbok iċċekkja s-sit elettroniku ta’ EuropeAid.

L-organizzazzjoni tagħna hija ko-finanzjata mill-FSE. Liema logo nistgħu nużaw għad-dokumentazzjoni tagħna?

Ma hemm ebda logo speċifiku tal-FSE. Ir-‘Regolament ta’ Implimentazzjoni’ jiddikjara li:

"Il-miżuri ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità kollha mmirati lejn il-benefiċjarji, il-benefiċjarji potenzjali u l-pubbliku għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

(a) l-emblema tal-Unjoni Ewropea <…> u referenza għall-Unjoni Ewropea;
(b) referenza għall-Fond ikkonċernat: <…> għall-ESF: "Il-Fond Soċjali Ewropew";
(c) dikjarazzjoni magħżula mill-awtorità ta’ ġestjoni, li tenfasizza l-valur miżjud ta’ l-intervent tal-Komunità, u preferibbilment: "L-investiment fil-futur tiegħek".

Għal oġġetti promozzjonali żgħar, il-punti (b) u (c) m’għandhomx japplikaw."

Jekk jogħġbok irreferi wkoll għall-Guidelines for beneficiaries and other third parties on the use of the EU emblem in the context of EU programmes (Linji gwida għall-benefiċjarji u għal partijiet terzi oħrajn dwar l-użu tal-emblema tal-UE fil-kuntest tal-programmi tal-UE).

Tassew “irbaħt il-lotterija tal-FSE”?

Il-Kummissjoni hija konxja li qed jintbagħtu serje ta’ e-mails frodulenti mibgħuta fl-isem tal-FSE. Il-messaġġi jħabbru ‘rebħa’ ta’ somma ta’ flus importanti u talba sabiex tintbagħat email lura bid-dettalji ta’ kuntatt tiegħek.

Jekk jogħġbok innota li dawn l-emails mhumiex mibgħuta mill-Kummissjoni jew bil-permess tagħha. Aħna nagħtuk parir sabiex ma tweġibx lil dawn il-messaġġi. Jekk inti trid tikkuntattja lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-FSE, jekk jogħġbok uża l-formola ta’ kuntatt tagħna.