Mogħdija tan-navigazzjoni

Għaliex għandna bżonn ta' liġi ġdida?

Kemm hu ta' ħsara l-qtugħ tal-injam b'mod illegali?

Qtugħ illegali - il-qtugħ ta' injam li jikser b'xi mod il-liġijiet jew ir-regolamenti tal-pajjiż tal-qtugħ - għandu impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali għal uħud mill-iktar foresti siewja li għad fadal fid-dinja u għall-komunitajiet li jiddependu fuqhom.

  • Ekonomika

    Tirriżula f'telf fid-dħul u tkisser l-isforzi ta' operaturi leġittimi.

  • Ambjentali

    Hija assoċjata ma' deforestazzjoni, tibdil fil-klima u telf tal-biodiversità.

  • Soċjali

    Hija marbuta ma' kunflitti fuq artijiet u riżorsi, u t-tneħħija tas-setgħa ta' komunitajiet lokali.

Għaliex huwa importanti li l-Unjoni Ewropea taġixxi?

L-UE tirrappreżenta suq ta' esportazzjoni kritiku għal bosta pajjiżi fejn il-qtugħ tal-injam b'mod illegali jsir fuq bażi komuni wisq. Jekk nadottaw attitudni ta' 'ma ssir ebda mistoqsija' allura, mingħajr ma nafu, inkunu qegħdin niffinanzjaw delitti relatati mal-forestrija u nkunu qegħdin infixklu l-liġi f'xi wħud mill-iktar pajjiżi foqra fid-dinja li jipproduċu l-injam.

X'inhi tagħmel l-UE?

Fl-2003, l-UE żviluppat il-FLEGT (Infurzar tal-Liġi dwar il-Forestrija, Governanza u Kummerċ ) Pjan ta' Azzjoni li jipprovdi għadd ta' miżuri sabiex jeskludu injam illegali minn swieq, sabiex titjieb il-provvista ta' injam legali u sabiex tiżdied id-domanda għal prodotti tal-injam minn sorsi legali.

Iż-żewġ elementi prinċipali tal-pjan ta' azzjoni huma r-Regolament tal-UE dwar l-Injam , u l-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja (VPAs). Il-VPAs huma ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi li jesportaw l-injam li jgħinu jipprevjenu milli injam illegali jitpoġġa fis-suq Ewropew.

Skont ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam (EUTR), injam li jkollu liċenzja FLEGT, jew permess CITES (Konvenzjoni fuq il-Kummerċ Internazzjonali ta' Speċi fil-Periklu ta' Fawna u Flora Selvaġġa), huwa meqjus li jikkonforma mal-EUTR.

Leġiżlazzjoni sekondarja

L-EUTR huwa kkumplimentat minn żewġ biċċiet oħrajn tal-leġiżlazzjoni li joffru aktar dettall fuq punti speċifiċi fi ħdan il-liġi:

  1. Ir-Regolament dwar regoli għar-rikonoxximent u l-irtirar ta' rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet ta' monitoraġġ:
    Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 363/2012
  2. Regolament li jiżgura implimentazzjoni uniformi tal-liġi:
    Regolament implimentattiv tal-Kummissjoni (UE) Nru 607/2012