Mogħdija tan-navigazzjoni

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata
  • Ċekken it-test
  • Kabbar it-test

Segwina

Facebook

Iż-żoni protetti tal-UE – Natura 2000

L-UE għandha liġijiet b'saħħithom dwar il-ħarsien tan-natura. Dawn jaqgħu taħt in-netwerk Natura 2000 – 26,000 sit protetti li jagħmlu għoxrin fil-mija tat-territorju tal-UE. Huwa l-akbar netwerk ta’ dan it-tip fid-dinja, u joffri protezzjoni vitali għall-ispeċijiet u l-ħabitats tal-Ewropa li jinsabu fil-periklu li jinqerdu.

In-netwerk għandu impatt ekonomiku ewlieni: valur bejn €200 u €300 biljun fis-sena, jew 2% sa 3% tal-Prodott Domestiku Gross tal-UE, skont stima tal-benefiċċji pprovduta min-netwerk.
Iż-żrieragħ ta’ Natura 2000 ġew miżrugħa fl-1979 meta l-UE għaddiet l-ewwel biċċa leġiżlazzjoni maġġuri dwar il-ħarsien tan-natura, id-Direttiva dwar l-Għasafar. Din tħares lill-għasafar selvaġġi kollha fl-UE, jiġifieri madwar 500 speċi. Il-pajjiżi tal-UE jidentifikaw u jipproteġu siti li huma partikolarment importanti għall-għasafar selvaġġi. S’issa, inħolqu madwar 5,300 “Żona ta’ Protezzjoni Speċjali”.

Strument ieħor, id-Direttiva dwar il-Ħabitats tal-1992, tobbliga lill-pajjiżi tal-UE biex jipproteġu l-ħabitats ta’ speċijiet mhedda ta' flora, fawna u ħabitats. Is-siti protetti huma magħrufa bħala "Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni". Id-Direttiva dwar il-Ħabitats tkopri madwar 1,500 speċi rari u mhedda ta' pjanti u annimali, u madwar 230 tip ta’ ħabitats, inklużi mergħat tal-ħuxlief, moxa u bassasiet tal-melħ.

Iż-żoni protetti b'dawn iż-żewġ Direttivi jifformaw in-netwerk Natura 2000. L-għan tan-netwerk hu li jissalvagwardja t-tipi ta’ ħabitats u speċijiet mhedda ewlenin tal-Ewropa.

In-netwerk Natura 2000 issa kważi lest. S'issa ġew inklużi aktar minn 26,000 sit, u għalhekk hu l-akbar netwerk koordinat ta’ żoni protetti fid-dinja. Natura 2000 ikopri 18% taż-żona terrestri tal-UE u partijiet sostanzjali tal-ibħra tal-madwar.

Natura 2000 mhux biss netwerk ta’ riżervi naturali protetti. Jagħraf li l-bnedmin u n-natura jaħdmu l-aħjar bi sħab ma’ xulxin. L-għan tiegħu mhuwiex li jeskludu l-attivitajiet ekonomiċi iżda li jiżgura li huma kompatibbli mas-salvagwardja ta' speċijiet u ħabitats prezzjużi.

L-għanijiet ewlenin fi ħdan is-siti ta’ Natura 2000 huma:

  • l-evitar ta' attivitajiet li jistgħu jikkawżaw disturbi serji lill-ispeċijiet jew ħsara lill-ħabitats li għalihom ikun ġie nominat is-sit
  • it-teħid ta' miżuri pożittivi, jekk meħtieġ, għaż-żamma u r-restawr ta’ dawn il-ħabitats u l-ispeċijiet biex tittejjeb il-konservazzjoni.

Dan il-metodu għandu bosta vantaġġi: billi jħeġġeġ il-forestrija, is-sajd, l-agrikoltura u t-turiżmu sostenibbli, in-netwerk jiżgura futur f'terminu twil għan-nies li jgħixu f'dawn iż-żoni u li jiddependu minn dawn l-attivitajiet.