Mogħdija tan-navigazzjoni

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata
  • Ċekken it-test
  • Kabbar it-test

Segwina

Facebook

Il-prevenzjoni tat-tniġġis

Il-liġijiet tal-UE huma bbażati fuq il-prinċipju li min iniġġes irid iħallas għad-dannu li jikkawża.

It-tniġġis jista’ jħalli impatt serju fuq is-saħħa. L-isforzi tal-UE jikkonċentraw fuq it-twaqqif tat-tniġġis qabel ma jseħħ, u l-għoti ta' prezz li wieħed irid iħallasbiex min iniġġes jinżamm responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu.

Kull sena, mijiet ta’ eluf ta’ Ewropej imutu qabel iż-żmien kawża tat-teħid ta' nifs ta' arja mniġġsa. L-industrija, it-trasport u t-tisħin domestiku kollha jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-arja, għalhekk għandna miżuri biex inwaqqfu t-tniġġis qabel ma jseħħ.

Hemm stejjer ta’ suċċess — dawn l-aħħar deċennji raw progress tajjeb fir-rigward tas-sustanzi li jniġġsu li jikkawżaw xita aċiduża. Iżda l-Ewropa għad għandha problemi bil-partikuli żgħar imsejħa materja partikulata, kif ukoll bl-ożonu troposferiku.

Il-materja partikulata tippenetra fil-fond fil-pulmuni, b’konsegwenzi serji. Il-leġiżlazzjoni tal-UE għandha l-għan li tiżgura li l-livelli jonqsu matul iż-żmien. Il-Kummissjoni dan tqisu b’serjetà kbira, u ttieħdet azzjoni legali biex l-Istati Membri jinfurzaw il-leġiżlazzjoni tagħhom kif suppost.

Għandna bżonn ukoll ta’ politiki b’saħħithom biex jipproteġu l-ilmijiet, sabiex id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tistabbilixxi miri ambizzjużi biex l-ilmijiet tal-Ewropa jerġgħu lura għall-istat naturali tagħhom.

Miżuri oħra jiżguraw li l-ilma mormi jiġi ttrattat, li l-ilmijiet għall-għawm ikunu nodfa, l-ilma tax-xorb ma jagħmilx ħsara għas-saħħa, u li l-ibħra ma jkunux imniġġsa. It-tniġġis mill-agrikoltura huwa wkoll ikkontrollat, għax meta fertilizzant jinġarr barra l-għelieqi għal ġol-ilma, jista' jirriżulta fi proliferazzjoni ta’ algi tossiċi.

L-UE għandha wkoll kontrolli b'saħħithom fuq is-sustanzi kimiċi. Bosta proċessi ta’ produzzjoni jiddependu fuq is-sustanzi kimiċi, iżda wħud mis-sustanzi kimiċi joħolqu riskju għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. L-UE tiġġieled kontra din it-theddida permezz ta' REACH, il-leġiżlazzjoni li tobbliga lill-industrija tagħti prova li s-sustanzi kimiċi li jitqiegħdu fis-suq huma sikuri.

Id-dejta hija disponibbli pubblikament permezz ta’ bażi tad-dejta ċentrali, u se tgħin biex timla l-vojt tal-informazzjoni attwali dwar is-sustanzi kimiċi. Hemm ukoll regoli għat-tneħħija gradwali tal-biċċa l-kbira tas-sustanzi kimiċi perikolużi.

It-tniġġis dejjem ġej minn xi mkien. Il-leġiżlazzjoni ambjentali Ewropea hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, li jidentifika s-sors ta’ tniġġis u jobbliga lil min iniġġes biex iħallas għall-ħsara kkawżata. Dan jinkoraġġixxi lin-negozji biex ineħħu s-sustanzi li jniġġsu u li jagħmlu l-ħsara qabel ma jikkawżaw id-dannu.