Mogħdija tan-navigazzjoni

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata
  • Ċekken it-test
  • Kabbar it-test

Segwina

Facebook

Nużaw l-ekonomija għal futur sostenibbli

Il-politika ekonomika għandha tintuża biex tinkuraġġixxi mġiba sostenibbli, billi tikkunsidra l-valur ta’ sistemi naturali.

Li kieku n-nies u n-negozji awtomatikament ħasbu dwar l-impatti fuq ir-riżorsi, is-saħħa u l-ambjent huma u jieħdu d-deċiżjonijiet, kieku kienu jiġu evitati ħafna problemi. L-introduzzjoni ta' inċentiv finanzjarju hi mod li bih in-nies jistgħu jiġu inkuraġġuti jipproteġu n-natura, jevitaw it-tniġġis, jeliminaw il-ħela u jimmaniġġjaw ir-riżorsi naturali. Dan hu għaliex il-politika ambjentali tipprova tuża inċentivi ekonomiċi biex tinkuraġġixxi bidliet fl-imġiba.

Parti kbira mill-Ewropa hi maqbuda f'mudelli ta' negozji, infrastruttura u mġiba li jużaw riżorsi li ma jagħtux kas wisq tal-effiċjenza. Iżda d-dinja tagħna qed tinbidel, u t-tmiem ta’ riżorsi bla limitu diġà jinsab magħna. Wasal iż-żmien li nixxiftjaw lejn l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fis-setturi kollha tal-industrija.

Ħadd ma jħobb it-taxxi, iżda dawk li jfasslu l-politika jistgħu jużawhom biex jgħinu lis-soċjetà tbiddel id-direzzjoni tagħha. B'żieda fit-taxxi fuq attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent, u bi tnaqqis tat-taxxi fuq ix-xogħol, nistgħu ntejbu l-ambjent u noħolqu aktar impjiegi. Għadd ta’ pajjiżi tal-UE diġà introduċew riformi bħal dawn.

Il-politika ekonomika hi għodda qawwija għall-bidla. Għaliex ma għandux ikollna prezzijiet li jirriflettu l-ispejjeż reali tal-użu tar-riżorsi? Is-sussidji ħafna drabi jidhru bħala idea tajba għal tul ta' ż-żmien immedjat, iżda jekk dawn ma jkunux użati b’attenzjoni, jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent.

Iżda jeħtiġilna wkoll informazzjoni aħjar. Irridu nibdlu l-modi li permezz tagħhom inkejlu l-fatturi ekonomiċi. Neħtieġu mod li bih nifhmu l-valur tas-sistemi naturali, u l-ispiża vera tal-impatti ambjentali bħat-tniġġis tal-arja, it-tibdil tal-klima, it-telf tal-bijodiversità, u l-mod kif qegħdin nużaw ir-riżorsi naturali.

Bidla fil-mod kif inkejlu t-tkabbir ekonomiku għandha tgħin ukoll. Jeħtiġilna indikaturi differenti flimkien mal-PDG, li jistgħu ħafna drabi jagħtu idea falza ta’ kif verament sejrin l-affarijiet. Neħtieġu indikaturi li juru wkoll l-użu tagħna tar-riżorsi.