Mogħdija tan-navigazzjoni

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata
  • Ċekken it-test
  • Kabbar it-test

Segwina

Facebook

Il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima

Mal-effetti bikrin tat-tibdil fil-klima diġà viżibbli, permezz ta’ avvenimenti estremi tat-temp, maltempati u nixfiet, l-UE qed tieħu passi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett serra.

L-ewwel konsegwenzi tat-tibdil fil-klima diġà qed jidhru fl-Ewropa u madwar id-dinja. Dawn l-impatti huma mbassrin li jintensifikaw fid-deċennji li ġejjin. It-temperaturi qed jogħlew, ix-xejriet tax-xita qed jixxiftjaw, il-glaċieri qed idubu, il-livelli tal-baħar qegħdin dejjem jiżdiedu u t-temp estrem qed isir dejjem iżjed komuni, biex b'hekk jinħolqu perikli bħal dulluvji u nixfiet.

Dawn it-tibdiliet joħolqu theddida serja għall-ħajja tal-bniedem, għall-iżvilupp ekonomiku u għad-dinja naturali li fuqhom tiddependi ħafna l-prosperità tagħna.

Il-klima tal-pjaneta tagħna minn dejjem inbidlet, spiss bħala riżultat ta’ fatturi naturali bħat-tibdiliet ċkejknin fil-mogħdija tad-dinja madwar ix-xemx, l-attività vulkanika, u l-varjazzjonijiet fis-sistema klimatika. Imma l-bnedmin qed iħallu influwenza dejjem akbar fuq il-klima bil-ħruq tal-fjuwils fossili, il-qtugħ tal-foresti tropikali u l-biedja tal-bhejjem.

L-enerġija tax-xemx issaħħan id-Dinja, u l-pjaneta tagħna titfa' bħala radjazzjoni xi ftit minn din is-sħana lura lejn l-ispazju. Iżda ċerti gassijiet fl-atmosfera jaġixxu bħall-ħġieġ f’serra – dawn jippermettu l-enerġija li tidħol fl-atmosfera, u ma jħalluhiex taħrab.

Xi gassijiet li jikkawżaw l-effett serra, bħal fwar tal-ilma, huma naturalment preżenti fl-atmosfera. Mingħajrhom, it-temperatura medja tad-dinja tkun kesħa insupportabbli ta' 18°C taħt iż-żero minflok il-15°C attwali.

Fil-passat, it-tibdiliet fil-klima kienu bil-mod, iżda issa ninsabu f'perjodu ta’ tisħin b’rata mgħaġġla. L-attivitajiet umani qed jerħu kwantitajiet enormi ta’ gassijiet b’effett serra fl-atmosfera, jintensifikaw l-effett serra u jsaħħnu l-klima.

L-Ewropa qed tirrispondi billi tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra tagħha u tinkuraġġixxi pajjiżi oħrajn biex jagħmlu l-istess. Iżda anke jekk aħna nirnexxu, se jkun għad hemm xi livell ta’ tibdil fil-klima. Dan hu minħabba li ħafna gassijiet b'effett serra jibqgħu fl-atmosfera għal żmien twil, u minħabba li l-oċeani jaħdmu bħala ġibjuni enormi ta' sħana. B'hekk aħna wkoll nitgħallmu nadattaw ruħna għal xi livell ta’ tibdil fil-klima.