Mogħdija tan-navigazzjoni

X’inhu l-EDEN?

EDEN huwa l-akronimu għal Destinazzjonijiet Ewropej ta’ Eċċellenza, proġett li jippromwovi mudelli ta’ żvilupp tat-turiżmu sostenibbli madwar l-Unjoni Ewropea. Il-proġett huwa bbażat fuq kompetizzjonijiet nazzjonali li jsiru kull sena u li jirriżultaw fl-għażla ta’ “destinazzjoni ta’ eċċellenza” għat-turisti għal kull pajjiż parteċipant. Permezz tal-għażla tad-destinazzjonijiet, EDEN jikseb b’mod effettiv l-għan li jiġbed attenzjoni għall-valuri, id-diversità u l-karatteristiċi komuni tad-destinazzjonijiet turistiċi Ewropej. Huwa jtejjeb il-viżibilità tad-destinazzjonijiet Ewropej emerġenti, joħloq pjattaforma għall-qsim ta’ prattiċi tajbin madwar l-Ewropa u jippromwovi n-netwerking bejn id-destinazzjonijiet magħżula.

Din id-domanda Ewropea għall-eċċellenza fit-turiżmu hija żviluppata madwar tema annwali, magħżula mill-Kummissjoni, flimkien mal-korpi nazzjonali rilevanti tat-turiżmu. Din it-tema tiffunzjona bħala motiv gwida: sa issa, it-turiżmu rurali, il-wirt intanġibbli u ż-żoni protetti kienu t-temi ewlenin tal-EDEN.

Il-karatteristika ewlenija tad-destinazzjonijiet magħżula hija l-impenn tagħhom għal sostenibbiltà soċjali, kulturali u ambjentali. Dawk li jirċievu l-premju jkunu destinazzjonijiet Ewropej emerġenti u ftit li xejn magħrufa fis-27 Stat Membru u fil-pajjiżi kandidati. Il-proġett EDEN jgħin biex jinxterdu l-prattiċi sostenibbli użati fid-destinazzjonijiet magħżula madwar l-Unjoni u biex dawn il-postijiet jinbidlu f’postijiet li wieħed ikun jista’ jżurhom is-sena kollha. Il-proċess huwa għalhekk immirat biex jgħin inaqqas mill-konġestjoni li jkun hemm fid-destinazzjonijiet turistiċi li jżuruhom ammont kbir ħafna ta’ nies.

L-iżvilupp ta’ dan il-proġett huwa appoġġjat mill-Kummissjoni Ewropea, li nediet il-proġett fl-2006 u għadha qiegħda tilgħab irwol kruċjali fil-koordinazzjoni tiegħu. Il-kompiti tal-proġett jinkludu l-inkoraġġiment ta’ djalogu fost il-partijiet interessati, il-ko-ffinanzjar tal-proċeduri tal-għażla, l-organizzazzjoni taċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet (fl-ewwel sentejn, matul il- Forum Ewropew tat-Turiżmu) u l-koordinazzjoni ta’ kampanja ta’ komunikazzjoni komprensiva.

Il-materjal li ġej sejjer jgħinek tiskopri l-EDEN.

 

 

L-aħħar aġġornament: 23/05/2014 | Fuq