Mogħdija tan-navigazzjoni

Nadur (Malta)

Cactus and Maltese landscape © Nadur

Malta huwa pajjiż li għandu integrazzjoni għolja ta’ pajsaġġi urbani u rurali. Fost id-destinazzjonijiet li kienu qegħdin jikkompetu, in-Nadur huwa l-unika lokalità fl-inħawi li rnexxielha tissodisfa l-kwalitajiet u l-istandards ta’ sostenibbiltà, ġestjoni olistika u titjib meħtieġa, u kien l-ewwel li implimenta u offra lill-viżitaturi esperjenza purament ta’ turiżmu rurali. Il-proġett irnexxielu jattira medda diversa ta’ turisti, minn dawk interessati fil-kultura sa dawk interessati fl-attivitajiet rurali. Huwa eżempju tipiku ta’ inizjattiva li tħaddan il-prinċipji ta’ sostenibbiltà ekonomika, soċjali, ambjentali u kulturali.

In-Nadur jinsab fuq l-aktar għolja fil-Lvant tal-gżira t’Għawdex, il-gżira oħt ta’ Malta. Frott frisk bħat-tuffieħ, il-ħawħ, il-lanġas, l-għajnbaqar, il-larinġ, il-lumi u l-bettieħ mill-għelieqi tan-Nadur jiġu distribwiti ma’ Malta u Għawdex. In-Nadur għandu wkoll ħafna wirt kulturali. Fil-fatt, għadd ta’ torrijiet bħat-Torri Ta' Sopu u t-Torri Ta’ Kenuna jinsabu hawn. Il-festa tan-Nadur, l-Imnarja, iċċelebrata fid-29 ta’ Ġunju, hija kkunsidrata bħala festival li għandu l-għeruq tiegħu fir-ritwali u t-tradizzjonijiet staġjunali ta’ Malta. In-Nadur joffri wkoll għadd ta’ rkejjen ta’ sbuħija xenika li huma uniċi u pjuttost rari.

L-istrateġija għall-iżvilupp turistiku adottata mill-Kunsill Lokali tan-Nadur tinkludi attivitajiet u proġetti li jirreferu għal:

  • Kwalità tal-Ħajja;
  • Il-Konservazzjoni u t-tisbiħ tal-wirt ambjentali;
  • L-irkupru ta’ teżori moħbija u ta’ spazji kulturali;
  • It-tħeġġiġ tad-domanda tat-turiżmu u;
  • L-organizzazzjoni ta’ attivitajiet internazzjonali mmirati biex iżidu l-għarfien dwar il-Politika Ewropea u biex jippromwovu l-gżira.

B’popolazzjoni żgħira ta’ madwar 4,700 persuna biss u b’parti kbira mit-territorju tiegħu li jinsab barra miż-żona b’permess għall-iżvilupp, in-Nadur irnexxielu juża l-lokalità rurali tiegħu bħala waħda mill-assi ewlenin tiegħu u b’hekk ħoloq l-ewwel, u possibbilment l-unika, forma ta’ turiżmu rurali mhux biss f’Għawdex iżda fil-gżejjer Maltin kollha.

Il-premju ta’ Destinazzjoni ta’ Eċċellenza qiegħed jiġi ppreżentat għall-inizjattivi ewlenin li ġejjin tal-istrateġija adottata mill-Kunsill Lokali tan-Nadur u ġestit matul il-perijodu tat-tliet snin li għaddew:

Il-potenzjal tan-Nadur bħala destinazzjoni ta’ turiżmu rurali: Il-Kunsill Lokali tan-Nadur kien il-katalista għall-iżvilupp tat-turiżmu rurali fil-lokalità tiegħu. Bit-tir li jirriabilita u jagħmel użu tajjeb mill-widien tiegħu, il-kunsill lokali xtara 7,000 siġra taċ-ċitru u taż-żebbuġ u għamilhom disponibbli għall-bdiewa bi prezz issussidjat. Din l-inizjattiva mhux biss saћћet l-ambjent rurali, iżda wasslet ukoll għal żieda fil-kultivazzjoni tal-widien tan-Nadur.

L-integrazzjoni tal-esperjenzi tal-viżitatur u l-interessi tan-nies lokali: Ladarba l-bdiewa lokali nstabu li kienu favur il-proġett, il-Kunsill Lokali beda diskussjonijiet magħhom biex iħeġġeġ lill-bdiewa jiftħu l-għelieqi tagħhom u jippermettu lit-turisti jesperjenzaw il-ġbir tal-frott. Meta sab li kien qed iħabbat wiċċu ma’ mentalità konservattiva, għall-ewwel il-Kunsill ħadem ma’ dawk il-bdiewa li kienu l-aktar disposti, bl-assigurazzjoni li dawk li kienu aktar konservattivi jkunu konvinti ladarba jaraw il-proġett fil-prattika.

Facade of a farmhouse © Kercem

Wirt kulturali u naturali: Il-Kunsill Lokali tan-Nadur irnexxielu jgħaqqad flimkien l-assi tal-wirt kulturali u naturali tiegħu kif ukoll ir-riżorsi agrikoli tiegħu permezz tat-tfassil ta’ sitt mixjiet. Il-mixjiet jieħdu lill-viżitaturi min-naħa għall-oħra tal-lokalità, u jħalltu t-tgawdija u l-apprezzament tan-natura ma’ attivitajiet rurali bħall-ġbir tal-frott. Il-Kunsill Lokali organizza wkoll avvenimenti speċifiċi li issa saru tradizzjonijiet fil-kalendarju tal-avvenimenti t’Għawdex. Dawn jinkludu il-Karnival tan-Nadur, il-Festival tal-Inbid u s-Suq tal-Milied fost oħrajn. Il-karnival tan-Nadur, b’tema satirika, illum sar sinonimu mal-lokalità u kiber f’avveniment li jattenduh ħafna nies. Avveniment prinċipali ieħor huwa l-festival tal-inbid - 3 ijiem fejn idduq l-inbid Malti – li n-Nadur irnexxielu jassigura għal-lokalità tiegħu. Dan it-tip ta’ festival jikkomplimenta t-tema tat-turiżmu rurali waqt li jservi wkoll is-suq żgħir għal prodotti tradizzjonali. Billi jisħaq li jiffoka fuq avvenimenti fl-istaġuni mhux tradizzjonali, il-Kunsill Lokali tan-Nadur qed jorganizza wkoll suq tal-Milied, attrazzjoni li hija popolari f’għadd ta’ bliet Ewropej.

Xogħol ta’ restawr: Il-Kunsill Lokali ħa f’idejh ir-restawr tat-Torrijiet Ta’ Sopu u Ta’ Kenuna li huma l-aktar żewġ karatteristiċi tal-wirt kulturali prominenti fil-lokalità u b’hekk żied dimensjoni oħra lill-prodott turistiku tiegħu. Dawn jippermettu li l-lokalità tiffoka l-prodott tagħha fuq it-turist kulturali li jrid igawdi l-paċi u l-kwiet tal-kampanja u eventwalment dan iwassal għal żjieda fl-attività turistika li qabel kienet assenti fil-lokalità.

Attivitajiet ta’ tisbiħ: Fl-istess ħin, il-Kunsill Lokali beda għadd ta’ attivitajiet ta’ tisbiħ biex joħloq infrastruttura ta’ appoġġ għal-lokalitajiet ta’ sbuħija xenika minn fejn ikun jista’ jitgawda l-wirt naturali u tanġibbli .

Destinazzjoni għal laqgħat u konferenzi: Il-Kunsill Lokali ppromwova wkoll lin-Nadur bħala destinazzjoni għal laqgħat, konferenzi u inċentivi.

Avvenimenti ta’ darba: In-Nadur jorganizza wkoll għadd ta’ avvenimenti ta’ darba li sal-lum inkludew laqgħat bejn sindki; taħriġ dwar is-suġġett ta’ użu tal-fondi tal-UE; ċelebrazzjonijiet tal-50 anniversarju mit-twaqqif tal-UE; festival tal-UE u laqgħa dwar il-Karta tal-Kumitat Rurali Ewropew.

Hemm provi pjuttost sostanzjali li l-metodi li ntużaw kienu ta’ suċċess billi n-Nadur irnexxielu jattira turisti minn pajjiżi li għandhom interess fit-turiżmu rurali. In-Nadur irnexxielu wkoll jinvolvi bis-sħiħ lill-komunità lokali u juża assi lokali b’mod strateġiku mingħajr ma jisfruttahom b’mod irriversibbli.

Ingħatat prova li l-Proġett Nadur kien suċċess kif juru faċilment għadd ta’ indikaturi ewlenin. In-Nadur beda jirreġistra influss ta’ turisti matul il-perijodi mhux tradizzjonali u minn destinazzjonijiet li mhumiex neċessarjament il-viżitaturi ewlenin tal-Gżejjer Maltin. Il-kunċett ta’ turiżmu rurali twettaq, inħolqot industrija mid-djar biex tipproċessa l-prodotti taċ-ċitru u ż-żebbuġ mill-bdiewa u ġew organizzati għadd ta’ laqgħat għal delegati barranin fil-lokalità. Barra minn hekk, iż-żewġ torrijiet li jiffurmaw parti importanti mill-wirt kulturali tan-Nadur ġew restawrati, twaqqfu għadd ta’ stabbilimenti kummerċjali, u fl-aħħar kien hemm żjieda fl-opportunitajiet ta’ xogћol fil-lokalità. Dan kollu għandu l-mira li jtejjeb aktar il-prodott tan-Nadur billi jinżammu l-karatteristiċi rurali u billi l-aspett rurali jsir iċ-ċentru tal-assi tan-Nadur.

Nadur (Malta) pdf - 409 KB [409 KB] English (en)

L-aħħar aġġornament: 01/07/2011 | Fuq