Mogħdija tan-navigazzjoni

Kerċem, Ir-Raħal Iż-Żgħir Ta’ Santa Luċija (Malta)

Feast of Santa Lucija (Light Festival) © Kercem

Kerċem huwa villaġġ żgħir (1,700 abitant) fuq il-gżira mitika ta’ Għawdex li tifforma parti mill-arċipelagu Malti fil-qalba tal-Mediterran. Huwa l-aktar villaġġ viċin ta’ Victoria, il-belt kapitali t’Għawdex, u ismu probabbilment huwa derivat minn dak ta’ familja li kienet tgħix fl-inħawi fis-seklu 15.

Il-villaġġ żgħir u antik ta’ Santa Luċija fil-Kerċem huwa mħaddan bejn it-tliet għoljiet ta’ Għar Ilma, Il-Mixta u Santa Luċija. Kull waħda għandha nixxiegħa ta’ ilma naturali li jagħmlu lill-inħawi wħud mill-aktar lokalitajiet fertili ta’ Għawdex. Kerċem huwa l-eqdem post abitat fil-Gżejjer Maltin, bl-ewwel komunità minn Sqallija li tmur lura għal madwar 5000 Q.K.

L-ispirtu u l-inħawi

Kerċem kien darba magħruf ħafna għal purċissjoni tradizzjonali. Fit-12 ta’ Marzu, il-purċissjoni tal-“Festa tal-Papa San Girgor il-Kbir” kienet tgħaddi mill-katidral għal knisja antika u, wara, tibqa’ sejra lejn il-knisja parrokkjali tal-villaġġ. Qabel ma jiżżewġu, l-għarajjes irġiel Għawdxin kienu jwiegħdu lill-għarusa li kull sena jeħduha għal din il-purċissjoni.

Dawn l-inħawi rurali jagħmlu sfond idilliku għal serati imdawlin bix-xema’ f’dan il-villaġġ trankwill u affaxxinanti. L-iljieli mkewkbin jagħtu ton romantiku għal dawk li jiddeċiedu li jieklu u jixorbu xi tazza nbid hemm, waqt li jindaqqu noti minn strumenti tal-korda tradizzjonali. It-triq bejn ir-Rabat u Ta’ Kerċem toffri veduta tal-wied tal-Lunzjata. Wieħed jista’ jara wkoll monumenti kulturali u storiċi f’partijiet differenti ta’ din it-triq, bħal Għar Gerduf, is-sit ta’ katakombi Nsara tat-3/4 seklu, erba’ kappelli mħaddnin flimkien f’dan il-post, u l-fdalijiet tal-banjijiet Rumani li nstabu meta kienu saru xi skavi.

Parallela mal-knisja, triq oħra twassal għar-raħal żgħir ta’ Santa Luċija u l-knisja parrokkjali tagħha. Il-bini tal-knisja beda fil-festa ta’ San Girgor fl-1846. Santa Luċija huwa l-post fejn l-aktar abitanti antiki ta’ Malta kienu marru joqogħdu. Xogħol fit-tafal karatteristiku, meqjus li hu ta’ stil Sentinello aktar pur, instab fuq l-għolja tal-Mixta, miġjub hemm mill-ewwel abitanti li introduċew ukoll għodda tal-ħaġar, annimali ddomestikati u żerriegħa. Fuq il-wita ta’ Għar Ilma, il-viżitaturi jistgħu jgawdu grupp ta’ djar medjevali. L-akwedott tas-seklu 19, li huwa mqabbad ma’ mini u ġibjuni f’Santa Luċija u ma’ funtana fil-Kerċem, huwa karatteristika lokali oħra ta’ min jiftaħar biha. Dan jipprovdi ilma naturali tan-nixxiegħa lil Għajn Abdun u Għar Ilma.

Festi

Celebration of a rural wedding © Kercem

Kerċem u r-raħal żgħir ta’ Santa Luċija jorganizzaw attivitajiet kulturali matul is-sena biex irawmu l-apprezzament tat-tradizzjonijiet li ntirtu. L-avvenimenti huma ċċentrati madwar tliet festi ewlenin.

L-Ikla tan-Nanna – jiġifieri “ikla ta’ seba’ platti”, huwa avveniment prinċipalment gastronomiku magħmul minn ikla tradizzjonali b’seba’ platti. Dawn jinkludu ikel lokali tradizzjonali u huma mħejjija bl-użu ta’ ingredjenti awtentiċi mill-għelieqi tad-dawra.

Waiters u voluntiera li jaħdmu għall-avveniment kollha jilbsu kostumi tradizzjonali. Minn ikel għal rappreżentazzjonijiet storiċi, mużika u nbid, l-Ikla tan-Nanna toffri lil ħafna parteċipanti tagħha togħma li ma tintesiex tal-kultura Maltija.

Il-parteċipanti jingħataw menù li mhux biss jippreżenta kull platt, iżda jispjega wkoll il-preparazzjoni u t-tradizzjoni marbuta mal-platti speċifiċi u t-tisjir Malti tradizzjonali.

Id-divertiment jikkonsisti f’mużika u kanzunetti tradizzjonali esegwiti minn baned u gruppi folkoristiċi lokali. Il-fondazzjoni toffri wkoll trasport b’xejn mill-port sal-villaġġ biex tħeġġeġ lin-nies mill-qrib u mill-bogħod jipparteċipaw.

Il-festival tal-inbid Bis-Saħħa jsir fit-toroq ta’ Santa Luċija. L-avveniment huwa organizzat f’kooperazzjoni ma’ kumpanija lokali tal-inbid li tieħu ħsieb l-istands tal-inbid.

Il-Fondazzjoni Folkloristika Ta’ Klula torganizza stands b’ikel lokali u bar-b-que għall-viżitaturi kif ukoll xogħol tas-snajja’ u attivitajiet ta’ pittura fuq il-post. Il-prezzijiet jinżammu baxxi biex tiġi evitata kull forma ta’ elitiżmu u biex jiġi assigurat li l-akbar udjenza possibbli tgawdi l-avveniment.

Il-festival tad-dawl ‘Santa Luċija by Night’ jgħaqqad flimkien l-ispiritwalità u l-lokalità. Jinxtegħlu x-xemgħat fit-toroq tal-villaġġ. Kejkijiet u ħelu lokali jitqassmu waqt li tifla żgħira tixgħel ħuġġieġa. Hemm ħin komuni għall-ġabra u għat-talb hekk kif il-villaġġ jieħu atmosfera verament unika.

Kerċem, Ir-Raħal Iż-Żgħir Ta’ Santa Luċija (Malta) pdf - 569 KB [569 KB] English (en)

L-aħħar aġġornament: 01/07/2011 | Fuq