Mogħdija tan-navigazzjoni

Is-settur tal-industrija tal-għamara

L-industrija tal-għamara hija essenzjalment industrija tal-immuntar, li tuża materja prima differenti biex timmanifattura l-prodotti tagħha. Dawn ivarjaw minn injam u panewijiet ibbażati fuq l-injam għal metall, plastik, tessuti, ġilda u ħġieġ. Hemm ħafna tipi differenti ta' għamara (pereżempju siġġijiet, sufani, imwejjed, gwardarobbi, kċejjen, saqqijiet) li kollha jintużaw f'postijiet differenti (pereżempju djar, skejjel, uffiċċji).

Illum il-ġurnata, l-industrija tal-għamara tal-UE għandha livell għoli ta' kwalità ta' produzzjoni f'termini relatati ma' teknika, estetika, disinn u moda, u għandha reputazzjoni soda madwar id-dinja.

Is-settur Ewropew tal-għamara jinkludi madwar 150,000 kumpanija, jiġġenera dħul ta' kważi €126 biljun u valur miżjud ta' €38 biljun u jimpjega madwar 1.4 miljun persuna (UE27, 2006). Il-produtturi ewlenin (f'termini ta' valur ta' produzzjoni) huma l-Italja u l-Ġermanja, segwiti mir-Renju Unit, Franza u Spanja, u f'miżura iżgħar, il-Polonja.

Is-settur huwa ddominat minn mikrointrapriżi (86% tal-intrapriżi tal-għamara tal-UE għandhom inqas minn 10 ħaddiema), imma hemm ukoll xi fabbrikanti kbar. Ħafna drabi, kumpaniji żgħar jaġixxu bħala sottokuntratturi għal ditti akbar, billi jipproduċu, pereżempju, komponenti u prodotti nofshom lesti li jintużaw għat-tkomplija u l-immuntar tal-għamara. Għamara tal-injam użata fi kmamar tas-sodda, kmamar tal-ikel, living rooms u spazji oħra flimkien ma' għamara tal-plastik u tal-metall huma l-aktar prodotti manifatturati fl-UE (38% tal-valur totali tal-produzzjoni tal-għamara). Sottosetturi oħra importanti ta' produzzjoni huma siġġijiet u għamara għall-uffiċċju (29% u 17% rispettivament) kif ukoll għamara għall-kċina (12%).

Matul is-snin, u b'reazzjoni għall-pressjoni kompetittiva, partikolarment kompetizzjoni internazzjonali, kumpaniji tal-għamara bdew proċess twil ta' ristrutturar u modernizzazzjoni u l-volumi tal-produzzjoni naqsu. Mill-2005 il-volumi tal-produzzjoni żdiedu ftit, imma fl-2008 din it-tendenza pożittiva daret lura, u l-produzzjoni reġgħet naqset. Fatturi prinċipali ta' kompetittività għas-settur jikkonsistu f'riċerka u innovazzjoni, kapaċitajiet u kwalità, disinn u valur miżjud, għarfien u kompetenza, flimkien ma' aċċess aħjar għal swieq ta' pajjiżi terzi.

Aqsam: FacebookGoogle+LinkedInIbgħat din il-paġna lil sħabek

Ara l-paġna fid-daqs normali tagħhaKabbar id-daqs b'200 fil-mijaStampa din il-paġna