Mogħdija tan-navigazzjoni

Għodod addizzjonali

Għall-importaturi

Filwaqt li l-manifatturi għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw il-konformità tal-prodott u li jwaħħlu l-marka CE, l-importaturi (u d-distributuri) għandhom ir-rwol importanti wkoll li jiżguraw li fis-suq jitqiegħdu biss prodotti li huma konformi mal-leġiżlazzjoni u li għandhom il-marka CE. Dan mhux biss jgħin biex isaħħaħ ir-rekwiżiti tal-UE dwar is-saħħa, is-sigurtà u l-ħarsien tal-ambjent, iżda jappoġġja wkoll il-kompetizzjoni ġusta billi japplika l-istess regoli għall-partijiet kollha kkonċernati.

Meta l-prodotti jsiru f'pajjiżi terzi u l-manifattur ma jkollux rappreżentanza fiż-ŻEE, l-importaturi għandhom jiżguraw li l-prodotti li jqiegħdu fis-suq ikunu konformi mar-rekwiżiti applikabbli, u li dawn ma jippreżentawx riskju lill-pubbliku Ewropew. L-importatur għandu jivverifika li l-manifattur li jopera barra l-UE jkun ħa l-passi meħtieġa, u li d-dokumentazzjoni rilevanti tkun tista' tinkiseb f'każ li tintalab.

B'hekk, l-importaturi għandhom ikunu midħla sew tad-direttivi rilevanti, u huma mistennija jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-awtoritajiet nazzjonali f'każ li jinqalgħu xi problemi. L-importaturi għandu jkollhom garanzija bil-miktub mill-manifattur li turi li għandhom aċċess għad-dokumentazzjoni meħtieġa – bħal pereżempju d-Dikjarazzjoni ta' Konformità KE u d-dokumentazzjoni teknika – u li huma f'pożizzjoni li jippreżentawha lill-awtoritajiet nazzjonali f'każ li tintalab. L-importaturi għandhom ukoll ir-responsabbiltà li jiżguraw li dejjem jkun jistà isir kuntatt mal-manifattur.

F'każ li l-importaturi (jew id-distributuri) jqiegħdu l-prodotti fis-suq f'isimhom stess, ir-responsabbiltajiet tal-manifattur jaqgħu fl-isfera tar-responsabbiltajiet tagħhom. F'dan il-każ, għandu jkollhom tagħrif biżżejjed dwar id-disinn u l-produzzjoni tal-prodott, minħabba l-fatt li r-responsabbiltà legali waqt il-proċess tat-twaħħil tal-marka CE titqies bħala li hi tagħhom.

Mhux il-prodotti kollha li jinbiegħu fl-UE jeħtieġ li jkollhom il-marka CE. Il-marka CE tapplika għal għadd ta' prodotti, li jvarjaw minn tagħmir elettroniku sa ġugarelli u minn splussivi għal użu ċivili sa apparat mediku. Prodotti bħal dawn jaqgħu fl-isfera ta' direttiva waħda, jew ta' għadd ta' Direttivi, li jistipulaw ir-rekwiżiti speċifiċi li l-prodott għandu jissodisfa qabel ma jiġi mmarkat bil-marka CE. Ara l-lista sħiħa ta' dawn il-kategoriji ta' prodotti.

Aqsam: FacebookGoogle+LinkedInIbgħat din il-paġna lil sħabek