Mogħdija tan-navigazzjoni

Għodod addizzjonali

CE - Punti bażiċi u FAQs

Punti bażiċi

Il-marka CE tindika prodott li huwa konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE u b'hekk tippermetti l-moviment liberu tal-prodotti fi ħdan is-suq Ewropew. Bit-tqegħid tal-marka CE fuq il-prodott, il-manifattur ikun qed jiddikjara, li r-responsabbiltà hija tiegħu biss, li l-prodott jissodisfa r-rekwiżiti ġuridiċi CE, li jfisser li l-prodott ikun jista' jinbiegħ madwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (EEA, is-28 Stat Membru tal-UE u l-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (l-EFTA) l-Iżlanda, in-Norveġja, il-Liechtenstein). Dan japplika wkoll għal prodotti magħmula f'pajjiżi oħra li huma mibjugħa fiż-ŻEE.

Madankollu, mhux il-prodotti kollha jrid ikollhom il-marka CE, il-kategoriji biss tal-prodotti msemmija f'direttivi tal-UE speċifiċi fuq il-marka CE.

Il-marka CE ma tindikax li prodott ikun sar fiż-ŻEE, iżda sempliċement tiddikjara li l-prodott ikun ġie vvalutat qabel jitqiegħed fis-suq u b'hekk jissodisfa r-rekwiżiti leġiżlattivi applikabbli (eż. livell armonizzat ta’ sikurezza) li jippermetti li dan ikun mibjugħ hemmhekk. Dan ifisser li l-manifattur ikun:

  • ivverifika li l-prodott jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali rilevanti kollha (eż. is-saħħa u s-sikurezza jew rekwiżiti ambjentali) stabbiliti f'direttiva/i applikabbli u
  • jekk ikun stipulat fid-direttiva/i, bagħat il-prodott għal eżami għand xi korp tal-evalwazzjoni tal-konformità indipendenti.

Hija r-responsabbiltà tal-manifattur biex jagħmel l-analiżi tal-konformità, biex jiftaħ fajl tekniku, biex joħroġ id-dikjarazzjoni tal-CE dwar il-konformità u biex iwaħħal it-tikketta CE fuq il-prodott. Id-distributuri għandhom jivverifikaw li l-prodott ikollu l-marka CE u li d-dokumentazzjoni ta' appoġġ meħtieġa tkun kif suppost. Jekk il-prodott ikun qed jiġi importat minn barra ż-ŻEE, l-importatur għandu jivverifika li l-manifattur ħa ħsieb li jieħu l-passi meħtieġa u li d-dokumentazzjoni tkun disponibbli jekk tkun mitluba.

Aktar tagħrif għall-professjonisti

Aktar tagħrif għall-konsumaturi

FAQ

Nistgħu nkunu ċerti li prodott bil-marka CE huwa sikur?

Sfortunatament minħabba l-iffalsifikar jew l-użu ħażin tal-marka, qatt ma hemm garanzija 100% li prodott li jkollu l-marka CE huwa sikur. Madankollu, bl-adozzjoni tar-Regolament 765/2008pdf u d-Deċiżjoni 768/2008pdf, l-obbligi tal-manifattur huma ċari li meta jwaħħal il-marka CE fuq prodott, il-manifattur jassumi r-responsabbiltà sħiħa għall-konformità ta' dak il-prodott mar-rekwiżiti applikabbli kollha tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Hija s-sistema wara l-marka CE li tiżgura l-funzjonament tajjeb. Is-sistema sħiħa, li tikkonsisti minn manifatturi, importaturi, distributuri, korpi notifikati u awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq, ġie msaħħaħ permezz ta' qafas leġiżlattiv ġdid, bil-għan li jkompli jnaqqas il-piżijiet fuq il-kummerċ waqt li fl-istess ħin ikun żgurat livell għoli ta' sikurezza u protezzjoni ta' interessi pubbliċi oħra.

Nista', bħala manifattur, inwaħħal il-marka CE fuq il-prodotti tiegħi?

Iva, il-marka CE dejjem titwaħħal mill-manifattur innifsu jew minn rappreżentant awtorizzat tiegħu wara li titwettaq il-proċedura meħtieġa ta' valutazzjoni tal-konformità. Dan ifisser li, qabel ma titwaħħal il-marka CE u l-prodott jitqiegħed fis-suq, il-prodott għandu jgħaddi mill-proċedura tal-evalwazzjoni tal-konformità stabbilita f'wieħed jew aktar tad-direttivi applikabbli. Id-direttivi jispeċifikaw jekk il-valutazzjoni ta' konformità tistax titwettaq mill-manifattur jew jekk tridx tiġi involuta terza parti (il-korp notifikat).

Fejn għandha titwaħħal il-marka CE?

Il-marka għandha tkun imwaħħla jew fuq il-prodott jew fuq it-tabella tad-dejta tal-prodott. Meta dan ma jkunx possibbli minħabba n-natura tal-prodott, il-marka CE għandha titwaħħal fuq il-pakkett u/jew mad-dokumenti ta' akkumpanjament.

X’inhi Dikjarazzjoni ta' Konformità tal-manifattur ?

Id-dikjarazzjoni ta' Konformità (DoC) tal-UE huwa dokument li fih il-manifattur, jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), jindika li l-prodott jilħaq ir-rekwiżiti kollha meħtieġa stabbiliti fid-direttivi applikabbli. Id-DoC għandha wkoll ikun fiha l-isem u l-indirizz tal-manifattur flimkien mat-tagħrif dwar il-prodott, bħalma huma l-marka u n-numru tas-serje. Id-DoC għandha tiġi ffirmata minn individwu li jaħdem għall-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, u l-funzjoni tal-impjegat jrid jiġi indikat ukoll. Jekk korp innotifikat kien involut jew le, il-produttur għandu jfassal u jiffirma d-Dikjarazzjoni ta' Konformità tal-KE.

X'inhi d-differenza bejn il-marka CE u marki oħra, u marki oħra jistgħu jitwaħħlu mal-prodott jekk ikollu l-marka CE?

Il-marka CE hija l-unika marka li tindika l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttivi li jipprovdu għat-twaħħil tagħha. Prodott jista’ jkollu marki addizzjonali sakemm dawn ma jkollhomx l-istess importanza bħall-marka CE, ma jkunux responsabbli li jikkawżaw konfużjoni mal-marka KE u ma jfixklux il-leġibilità u l-viżibilità tal-marka CE.

Min jissorvelja l-użu xieraq tal-marka CE?

Is-superviżjoni tal-marka CE hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri tal-UE f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea.

X'inhuma l-pieni għal l-iffalsifikar tal-marka CE?

Il-proċeduri, miżuri u sanzjonijiet li japplikaw għal falsifikazzjoni tal-marka CE jvarjaw skont liġijiet nazzjonali kriminali, ċivili u amministrattivi tal-Istati Membri. Skont is-serjetà tar-reat, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jkunu soġġetti għal multa u, f'xi ċirkostanzi, priġunerija. Il-prodotti jistgħu jiġu rtirati jew jittieħdu lura mis-suq. Madankollu, jekk il-prodott ma jitqiesx bħala riskju imminenti għas-sikurezza, il-manifattur jista’ jkun mogħti l-opportunità li jġib il-prodott f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli minflok ikun obbligat ineħħi l-prodott mis-suq.

Minn fejn nista’ nikseb aktar informazzjoni?

Fuq is-sit tal-Kummissjoni Ewropea, tista' tniżżel il-Gwida għall-implimentazzjoni tad-direttivi bbażata fuq il-Metodu l-Ġdid u l-Metodu Globali, (spiss imsejjaħ "Il-Gwida Blu Agħżel it-traduzzjonijiet mil-link ta' qabel ").

In-negozji jistgħu wkoll jikkuntattjaw lin-Netwerk Ewropa għall-Intrapriża.

Kuntatt

ENTR /C/1 IM & ITS INTL DIMENSION

Aqsam: FacebookGoogle+LinkedInIbgħat din il-paġna lil sħabek