Mogħdija tan-navigazzjoni

Għanijiet ewlenin

L-għanijiet ġenerali tad-DĠ għall-Impriżi u l-Industrija huma li:

  • isaħħu l-kompetittività sostenibbli tal-bażi industrijali tal-Ewropa, u l-kontribuzzjoni li din tagħti lill-għanijiet tas-soċjetà
  • jiżguraw suq intern miftuħ għall-prodotti
  • jappoġġaw il-preżenza Ewropea fl-ispazju u l-iżvilupp tas-servizzi bis-satellita

Id-DĠ jagħmel enfasi speċjali fuq il-bżonn li tiġi stimulata l-intraprenditorija u jitħeġġeġ it-tkabbir tal-SMEs. Id-Direttur Ġenerali hu wkoll il-Mibgħut tal-SMEs tal-Unjoni Ewropea, bil-kompitu li jiżgura li l-politiki kollha tal-UE jirrispettaw il-prinċipju "aħseb l-ewwel fiż-żgħir".

Il-Pjan ta' Ġestjoni tad-DĠ għall-2012 pdf - 567 KB [567 KB] English (en) jippreżenta fid-dettall l-għanijiet ewlenin tad-DĠ għall-2012. Juri fid-dettall l-attivitajiet ippjanati u r-riżultati tad-DĠ għall-2012, b'mod li jirriflettu l-baġit annwali tal-Unjoni Ewropea. L-attivitajiet u l-għanijiet speċifiċi jinsabu hawn taħt fil-qosor.

Kompetittività, politika industrijali, innovazzjoni u intraprenditorija

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-2008 biddlet drastikament il-prospetti ekonomiċi tal-Ewropa għall-futur qrib. F'Marzu 2010 l-Kummissjoni ppreżentat l-istrateġija tagħha biex l-Ewropea terġa' tibda tirkupra: "Ewropa 2020". Din l-istrateġija ssemmi miżuri li jappoġġaw it-tmiem ta' din il-kriżi f'terminu qasir ta' żmien, filwaqt li twitti t-triq għal ekonomija Ewropea sostenibbli u kompetittiva fil-futur. Waqt li tħares lejn in-natura u l-ambitu tal-isfidi li jvarjaw mill-kompetizzjoni globali, is-sistemi ekonomiċi u finanzjarji instabbli, it-tibdil fil-klima sal-popolazzjoni li qed tixjieħ, l-UE għandha taġixxi kollettivament biex tirnexxi.

Żewġ inizjattivi ewlenin ta' Ewropa 2020 se jiggwidaw l-azzjonijiet tad-DĠ għall-Impriżi u l-Industrija fl-2012. Huma deskritti fil-"Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni" u f'"Unjoni tal-Innovazzjoni".

L-għan ġenerali tas-tisħiħ tal-bażi industrijali tal-Ewropa jfisser li nindirizzaw kwistjonijiet tal-kompetittività globali, niżguraw l-aċċess għall-materja prima essenzjali, nersqu lejn ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, inħeġġu l-innovazzjoni meħtieġa biex jinkisbu dawn l-għanijiet, noħolqu l-kundizzjonijiet għall-impriżi ta' daqs żgħir u medju biex jirnexxu u nrawmu spirtu ta' intraprenditorija biex it-talent Ewropew jiġi investit fil-ħolqien tal-ġid.

Biex jintlaħqu l-għanijiet relatati mal-kompetittività, id-DĠ jwettaq dawn l-għanijiet speċifiċi, li huma multiannwali:

  • jippromwovi kundizzjonijiet ta' qafas favorevoli għall-industrija Ewropea
  • jassisti fit-tibdiliet strutturali u l-iżvilupp sostenibbli f'setturi speċifiċi tal-manifattura u t-turiżmu
  • jappoġġa r-riċerka u applikazzjonijiet innovattivi fis-settur tas-sigurtà
  • jagħti opportunitajiet ġodda lin-negozji Ewropej fis-swieq ta' Pajjiżi barra mill-UE, partikolarment għall-SMEs
  • jippromwovi l-innovazzjoni permezz ta' kundizzjonijiet ta' qafas aħjar u miżuri ta' appoġġ
  • jippromwovi ambjent tan-negozju favorevoli għall-SMEs u l-intraprenditorija
  • jiffaċilita l-iskambju tal-esperjenza u l-informazzjoni bejn l-SMEs u joħloq partenarjati ġodda ta' negozju
  • jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs

Suq intern tal-prodotti

L-iżgurar tat-tħaddim tajjeb tas-suq intern tal-prodotti jagħti kontribuzzjoni fundamentali biex jgħin lill-impriżi jegħlbu l-kriżi ekonomika. Id-DĠ jaħdem biex itejjeb is-suq intern permezz ta' azzjoni leġiżlattiva jew mhux leġiżlattiva ġdida, kull meta jiġu identifikati ostakli ġodda; u jaġixxi biex jiżgura l-applikazzjoni tajba tal-liġi tal-Unjoni. Dan jiffaċilita t-tħaddim u l-kompetittività tal-impriżi filwaqt li jipprovdi liċ-ċittadini Ewropej b'livelli għoljin ta' saħħa, sigurtà, ħarsien ambjentali u tal-konsumatur.

Biex jintlaħqu l-għanijiet relatati mas-suq intern, id-DĠ jwettaq dawn l-għanijiet speċifiċi, li huma multiannwali:

  • jirrevedi regolarment il-liġijiet eżistenti dwar is-suq intern u jipproponi inizjattivi ġodda meta jkun meħtieġ biex jadatta r-regolamenti skont it-teknoloġija l-ġdida, jissimplifika l-leġiżlazzjoni, inaqqas il-piż tal-konformità jew ineħħi regolamenti nulli
  • jiżgura l-applikazzjoni tajba tal-liġi tal-UE
  • jippromwovi l-iżvilupp u l-użu ta' standards innovattivi Ewropej

Spazju

Is-settur tal-ispazju jipprovdi stimolu għall-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku fl-ekonomija Ewropea. Hu kruċjali jekk l-UE trid tibqa' kompetittiva f'oqsma li jeħtieġu aċċess għal teknoloġiji kritiċi. Id-DĠ jappoġġa dan is-settur bl-għan li joħloq applikazzjonijiet u servizzi li jgawdu minnhom iċ-ċittadini Ewropej (eż. il-monitoraġġ ambjentali, ir-radjonavigazzjoni bis-satellita), u biex jagħti spinta lill-effetti teknoloġiċi li jistgħu jgawdu minnhom setturi industrijali oħra. Minħabba d-daqs tal-investimenti meħtieġa biex jiġi żviluppat dan is-settur, hemm valur miżjud ċar ta' azzjoni komuni u koordinata fil-livell tal-UE.

Attività dipendenti fuq l-ispazju li għandha potenzjal li tikber b'effett qawwi fuq l-industrija tal-UE hi n-navigazzjoni bbażata fuq l-ispazju. Il-programmi ta' navigazzjoni bis-satellita għandha l-għan li jipprovdu infrastrutturi u servizzi globali bbażati fuq is-satelliti, speċjalment is-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni bis-Satellita (Galileo) u s-Sistema Ewropea ta' Kopertura Ġeostazzjonarja għan-Navigazzjoni (EGNOS). Il-programm Galileo hu inizjattiva Ewropea għal sistema moderna globali ta' navigazzjoni bis-satellita li tipprovdi servizz ta' pożizzjonar preċiż u garantit taħt il-kontroll ċivili Ewropew. EGNOS tara li tipprovdi servizzi bis-satellita biex ittejjeb ir-rendiment tas-Sistema ta' Pożizzjoni Globali (GPS) fl-Ewropa.

Biex jintlaħaq dan l-għan, id-DĠ jwettaq dawn l-għanijiet speċifiċi, li huma multiannwali:

  • jappoġġa r-riċerka u applikazzjonijiet innovattivi fis-settur tal-ispazju
  • jiżviluppa u jipprovdi infrastrutturi u servizzi ta' radjonavigazzjoni globali bis-satellita (Galileo)
  • jipprovdi servizzi bis-satellita li jtejbu r-rendiment tal-GPS fl-Ewropa (EGNOS)
  • jippromwovi l-użu operattiv ta' servizzi tal-UE bbażati fuq l-osservazzjoni tad-dinja (GMES)

Aqsam: FacebookGoogle+LinkedInIbgħat din il-paġna lil sħabek

Ara l-paġna fid-daqs normali tagħhaKabbar id-daqs b'200 fil-mijaStampa din il-paġna