Mogħdija tan-navigazzjoni

Il-Kummissjoni EwropeaEnerġijaBozozĦarsa ġeneraliKif tagħżel?Kif taqra l-informazzjoni fuq jew fil-kaxxa?
 

Kif taqra l-informazzjoni fuq jew fil-kaxxa

Hawnhekk se ssib kif tuża l-informazzjoni fuq jew fil-kaxxa tal-lampi:

 

Ammont ta' dawl (f'lumens)

Meta titkejjel il-prestazzjoni tal-lampi f'lumens wieħed ikun jista' jqabbel b'mod dirett il-kwalità tad-dawl (li fil-fatt hu s-servizz li toffri l-lampa). Paraguni bbażati fuq l-ammonti ta' wotts ma għadhomx jagħmlu sens aktar u jistgħu jagħtu idea żbaljata. Fittex lumens bejn 1300-1530 li huma ekwivalenti għal bozza inkandexxenti ta' 100W, 920-1060 lumens għal 75W, 700-810 lumens għal 60W, 410-470 lumens għal 40W u 220-250 lumens għal bozza ta' 25W.

Tikketta dwar l-enerġija tal-lampa

 

Effiċjenza fl-użu tal-enerġija

Ir-Regolament ineħħi gradwalment il-lampi l-anqas effiċjenti. Madankollu, għandek tiċċekkja t-Tikketta tal-Enerġija biex tkun taf kemm hi effiċjenti l-lampa, billi għad hemm differenzi kbar. Għall-istess ammont ta' dawl, lampa fluworexxenti kompatta (klassi A) se jkun jinħtiġilha terz tal-elettriku użat minn bozza inkandexxenti mtejba (klassi C). Tista' tiffranka ħafna flus billi tixtri l-aktar lampi effiċjenti.

Kemm iddum isservi

Kemm iddum isservi l-lampa jintwera bħala l-għadd ta' sigħat li ddum tixgħel qabel tinħaraq. L-użu medju ta' lampa hu ta' 1,000 siegħa fis-sena, dan hu bbażat fuq is-suppożizzjoni li din tinxtegħel għal medja ta' 3 sigħat kuljum. Lampi li jinxtegħlu l-ħin kollu jinħarqu qabel, dawk li ma jintużawx ħafna jservu aktar. Għal ċerti lampi fluworexxenti kompatti, l-għadd ta' drabi li jinxtegħlu u jintfew jaffettwa wkoll kemm iservu fil-prattika (ara "L-għadd ta' darbi li tinxtegħel u tintefa qabel tinqata'"). Kemm idumu jservu l-lampi jista' jvarja bejn 1,000 siegħa għal bozoz inkandexxenti konvenzjonali sa 15,000 siegħa għall-aħjar bozoz fluworexxenti kompatti u għal-lampi LED. Lampi li jservu aktar fit-tul ifissru anqas inkwiet biex tixtri jew tibdilhom. Meta jsir paragun għandu jitqies ukoll il-prezz tal-alternattivi differenti.

 

Temperatura tal-kulur (is-sħana tal-kulur tad-dawl) indikata fuq il-kaxxa tal-bozza

Kulur tad-dawl (temperatura tal-kulur)

Filwaqt li bozoz inkandexxenti dejjem jagħtu l-istess kulur ta' dawl ("abjad sħun"), il-lampi fluworexxenti kompatti u l-LEDs joffru firxa aktar wiesgħa ta' temperaturi tal-kulur (ikkalkulati f'Kelvins). Dawn id-differenzi huma użati f'ċerti applikazzjonijiet. Agħżel 2700K jew "abjad sħun" għal mistrieħ u aktar minn 4000K jew "abjad kiesaħ" għax-xogħol.

Bozza kompatta LED b'dawl sħun    Bozza kompatta LED b'dawl kiesaħ

 

Għadd ta' drabi li l-bozza tinxtegħel u tintefa qabel tinqata'

Għadd ta’ drabi li tinxtegħel u tintefa lampa qabel tinqata'

Din l-informazzjoni hi partikularment importanti għal lampi fluworexxenti kompatti. Lampi fluworexxenti kompatti standard (li jinxtegħlu/jintfew 3000/6000 darba) ma għandhomx jitwaħħlu f'postijiet fejn wieħed jixgħel u jitfi ta' spiss, jiġifieri medja ta' aktar minn tliet darbiet kuljum, perezempju fit-tojlits jew kurituri b'sensers għaċ-ċaqliq. Dawn jistgħu ma jservux għaż-żmien indikat fuq il-kaxxa. Madankollu, jeżistu lampi fluworexxenti kompatti apposta li jistgħu jinxtegħlu/jintfew għal miljun darba, li huma adatti għal postijiet ta' din ix-xorta. Sorsi oħra ta' dawl mhumiex sensittivi għal kemm-il darba jinxtegħlu u jintfew (bħal-lampi inkandexxenti mtejba).

 

Biex jixegħlu

Ħin sakemm jisħnu

Din l-informazzjoni hi partikularment importanti għal lampi fluworexxenti kompatti. Lampi fluworexxenti kompatti standard jieħdu daqxejn aktar fit-tul biex jixegħlu u juru l-ammont kollu tad-dawl tagħhom minn teknoloġiji ta' lampi oħra (sa 2 sekondi biex jixegħlu u 60 sekonda biex jagħtu 60% mill-ammont tad-dawl tagħhom). Madankollu, jeżistu lampi fluworexxenti kompatti apposta li jinxtegħlu kważi malajr daqs tipi oħrajn ta' lampi (bħall-bozoz inkandexxenti mtejba).

 

Ikona li turi li l-bozza ma tistax titbaxxa

Dawl li jista' jitbaxxa

Dejjem għandek tiċċekkja dan il-logo għal-lampi fluworexxenti kompatti u għal-LEDs, billi ħafna minnhom ma jaħdmux fuq dimmers standard. Madankollu, jeżistu wkoll lampi fluworexxenti kompatti u LEDs li jistgħu jitbaxxew, u bozoz inkandexxenti mtejbin dejjem jistgħu jitbaxxew.

 

Temperatura operattiva

Temperatura operattiva

Lampi fluworexxenti kompatti u lampi LED huma aktar sensittivi għat-temperatura minn bozoz inkandexxenti mtejba. Importanti li tingħażel bozza li taħdem tajjeb fit-temperaturi li probabbilment se tkun esposta għalihom. Għal fittings ta' dwal fuq barra f'żoni klimatiċi li għandhom xtiewi kesħin, hu pereżempju għaqli li tingħażel lampa li taħdem ukoll meta barra jkun qed jiffriża, inkella l-ammont ta' dawl li tagħti jista' jitnaqqas matul iljieli xitwin.

 

Daqs tal-lampa

Daqs tal-lampa

Meta taqleb minn teknoloġija ta' lampi għall-oħra għall-istess fitting ta' dawl, tinsiex tiċċekkja jekk il-lampa l-ġdida tiffittjax fil-fittings qabel ma tixtriha.

 

Logo fuq il-kaxxa – mhux b'rimi standard (logo WEEE)

Kif għandek tarmi lampi fluworexxenti kompatti u lampi b'dajowd li jagħti d-dawl?

Dawn il-lampi għandhom elettronika komplessa u ma għandhomx jintremew mal-iskart normali tad-dar. Dan hu indikat permezz ta' logo li juri barmil taż-żibel ingassat b'salib. Dawn għandhom jiġu ritornati f'wieħed mill-ħwienet li jbigħuhom jew jintremew f'kull sistema ta' ġbir oħra li tinuża apposta għall-iskart ta' tagħmir elettroniku (dan jiddependi mill-pajjiż li tinsab fih).