Mistoqsijiet Frekwenti

... dwar it-tneħħija gradwali tal-bozoz inkandexxenti u dwar dwal b'enerġija effiċjenti.

 

Ikklikkja tema

F'każ li ma ssibx il-mistoqsija tiegħek fil-lista, jew li tiħtieġ aktar dettalji, tista' tivverifika wkoll l-FAQ tekniku sħiħ fil-Qasam professjonali.

TNEĦĦIJA GRADWALI TAL-BOZOZ INKANDEXXENTI

M: Għaliex l-UE ddeċidiet li tneħħi gradwalment il-bozoz inkandexxenti konvenzjonali?

T: Sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2(b'madwar 15-il miljun tunnellata fis-sena).

Id-dawl jista' jitqies bħala wieħed minn ħamsa tal-konsum tal-elettriku fid-dar.

L-aktar teknoloġiji ta' dawl effiċjenti jużaw 5 darbiet anqas elettriku minn dawk l-anqas effiċjenti.

Il-bozoz li jiffrankaw l-enerġija jistgħu jnaqqsu l-konsum totali tal-elettriku tad-dar b'10-15%, b'hekk jiffrankaw lill-UE madwar 40 biljun siegħa ta' kilowott fis-sena (bejn wieħed u ieħor l-ekwivalenti tal-konsum annwali fir-Rumanija).

 

M: Kif se nibbenefika?

T: Apparti l-benefiċċji ambjentali fit-tul, il-bozoz li jiffrankaw l-enerġija jistgħu faċilment jiffrankawlek €50 fis-sena (inkluż il-prezz tal-bozoz).

U l-flus iffrankati b'mod ġenerali – €5-10bn fis-sena – jispiċċaw lura fl-ekonomija tal-UE, u jżidu l-prosperità ġenerali.

 

M: Meta u kif se jitneħħew gradwalment il-bozoz b'dawl ineffiċjenti?

T: Il-bozoz tad-djar li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti l-ġodda għall-użu effiċjenti tal-enerġija tal-UE se jitneħħew gradwalment minn issa sal-2012.

Il-bozoz inkandexxenti mhux ċari ma jilħqu dawn ir-rekwiżiti – huma diġà tneħħew.

Bozoz inkandexxenti ċari qed jitneħħew gradwalment.

Dawk ta' 100W jew aktar diġà tneħħew gradwalment. Dan il-limitu se jitnaqqas gradwalment sal-2012 (75W fl-2010, 60W fl-2011, 40W u aktar baxxi fl-2012).

Skeda taż-żmien għat-tneħħija ta' bozoz ineffiċjenti

Ċart sħiħa jpeg - 67 KB [67 KB]

 

M: X'inhu l-proporzjon tal-bozoz tad-dawl fl-UE li kienu jagħmlu użu effiċjenti tal-enerġija qabel ir-regoli l-ġodda (fl-2009)?

T: Madwar 75% (2.1 biljun minn total ta' stokk ta' 3.9 biljun bozza).

 

M: X'se jsir fir-rigward tal-bozoz b'użu speċjali (pereżempju għad-dawl fl-ifran, għad-dawl tal-Milied)?

T: Il-bozoz b'użu speċjali li ma jistgħux jinbidlu b'oħrajn li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija, mhumiex se jkunu affettwati bit-tneħħija gradwali.

 

M: X'se jiġri minn bozoz (inkandexxenti) li ma jikkonformawx u li diġà stokkjati għand il-bejjiegħa bl-imnut?

T: Se jkomplu jinbiegħu sakemm jispiċċaw l-istokks.

Ir-regoli se japplikaw biss għall-bozoz il-ġodda importati għall-bejgħ fl-UE.

 

ALTERNATTIVI GĦALL-BOZOZ INKANDEXXENTI

M: X'inhuma l-alternattivi disponibbli għall-bozoz b'dawl ineffiċjenti?

T: Wara li l-bozoz inkandexxenti konvenzjonali jitneħħew gradwalment mis-suq tal-UE fl-2012, xorta waħda se jibqagħlek ħafna bozoz minfejn tagħżel:

  • bozoz inkandexxenti mtejba (b'teknoloġija aloġena) - l-istess bħall-bozoz inkandexxenti tradizzjonali f'dak li jirrigwarda l-forma u l-kwalità, iżda aktar effiċjenti
  • bozoz fluworexxenti kompatti – effiċjenti ħafna u jservu fit-tul
  • LEDs – bozoz effiċjenti ħafna u jservu fit-tul li jagħmlu użu mill-aktar teknoloġija reċenti

Aktar dwar bozoz li jiffrankaw l-enerġija

Għalkemm jiswew aktar biex tixtrihom b'mod ġenerali orħos għax jużaw anqas elettriku.

Tiffranka bejn €20 u €50 fis-sena, dan jiddependi mid-daqs ta' darek u mill-bozoz li tagħżel.

 

M: Meta għandi nuża bozoz inkandexxenti mtejba?

T: Vantaġġi tal-inkandexxenti mtejba

  • l-istess dehra u forma bħall-bozoz inkandexxenti konvenzjonali
  • jagħtu l-istess tip ta' dawl xott fl-istess waqt qawwi
  • jagħtu dawl sħiħ immedjatament meta jinxtegħlu
  • dejjem jistgħu jitbaxxew
  • mhux effettwati mit-temperatura tal-post fejn jinsabu
  • orħos biex tixtri, fil-bidu

Żvantaġġi

  • ma jiffrankawx daqstant enerġija bħall-bozoz l-oħra li jiffrankaw l-enerġija
  • idumu jservu bil-bosta anqas (sentejn) mill-alternattivi (6-10 snin għall-bozoz fluworexxenti kompatti u LEDs)
  • b'mod ġenerali jiswew aktar (infiq ogħla għall-elettriku, jinbidlu aktar spiss)
  • disponibbli biss bħala '"dawl b'kulur sħun abjad" (temperatura tal-kulur), jillimitaw il-firxa tal-użu tagħhom
  • isiru jaħarqu ħafna meta jintużaw (bħall-bozoz l-antiki)

Uża inkandexxenti mtejba:

  • fejn meħtieġ dawl xott qawwi għal rifletturi dekorattivi
  • għad-dawl li ma tantx jintuża – meta meħtieġ ħafna ħin twil għall-konsum ta' elettriku aktar baxx u biex iservu aktar bħala bozza li tiffranka l-elettriku li tikkumpensa għall-prezz ogħla tagħha.

 

M: Meta għandi nuża bozoz fluworexxenti kompatti?

T: Vantaġġi tal-fluworexxenti kompatti

  • jużaw sa 80% anqas enerġija minn bozoz inkandexxenti konvenzjonali
  • sa €60 ta' ffrankar fl-infiq billi jservu aktar fit-tul
  • iservu tal-anqas 6-10 snin (meta mqabbla mas-sena jew sentejn għall-bozoz inkandexxenti konvenzjonali)
  • ebda riskju li jinħarqu minħabba temperatura baxxa li tkun qed tintuża
  • għażla usa' ta' kuluri ta' dawl (temperaturi tal-kulur)

Dwar xiex għandek toqgħod attent

  • L-użu ta' bozoz fluworexxenti kompatti standard hu affettwat minn ċerti fatturi, pereżempju meta jinxtegħlu u jintfew ta' spiss f'temperatura estrema. Ma jitbaxxewx u jieħdu ftit tal-ħin biex jagħtu d-dawl sħiħ tagħhom wara li jinxtegħlu.
  • Iżda jeżistu bozoz fluworexxenti kompatti li jlaħħqu ma' kull wieħed minn dawn il-fatturi.

    Iċċekkja fuq il-kaxxa jekk il-bozza li qed tixtri hix adatta biex tinxtegħel u tintefa ta' spiss, biex titbaxxa, f'temperaturi estremi, jew biex tixgħel malajr.
  • Bozoz fluworexxenti kompatti dejjem huma mżellġin, għalhekk jagħtu biss dawl baxx, ekwivalenti għal dak ta' bozoz inkandexxenti mżellġin.
  • Meta jinħarqu, ma għandhomx jintremew mal-iskart tad-dar. Jinħtiġilhom li jittieħdu lura fil-ħanut jew f'postijiet ta' riċiklaġġ li jaċċettawhom.
  • F'każ li bozza fluworexxenti kompatta tinkiser f'darek u jinħareġ il-kontentut tagħha, iftaħ biex tidħol l-arja fil-kamra qabel ma tiġbor il-bozza b'ċarruta mxarrba. Għandu jiġi evitat il-kuntatt mal-ġilda mill-frak tal-bozza u ma għandux jintuża l-vacuum cleaner biex jinġabar u jitnaddaf il-frak.

Uża fluworexxenti kompatti:

  • għall-fittings kollha li jintużaw ta' spiss jew għall-perjodi itwal
  • fejn pjuttost meħtieġ dawl baxx aktar milli dawl qawwi u xott
    (iżda iċċekkja fuq il-kaxxa jekk il-kulur tad-dawl jaqbilx ma' dak li trid, abjad sħun jew abjad kiesaħ).

 

M: Meta għandi nuża bozoz LED?

T: Vantaġġi tal-LEDs

  • jużaw sa 80% anqas enerġija minn bozoz inkandexxenti konvenzjonali
  • jiffrankawlek il-flus għax iservu aktar (għalkemm attwalment dan hu anqas minħabba l-prezz għoli biex tixtrihom, li probabbilment se jitbaxxa fis-snin li ġejjin)
  • iservu tal-anqas 10 snin (meta mqabbla mas-sena jew sentejn għall-bozoz inkandexxenti konvenzjonali)
  • ebda riskju li jinħarqu minħabba temperatura baxxa li tkun qed topera
  • jifilħu li jinxtegħlu u jintfew ta' spiss
  • jagħtu ammont sħiħ ta' dawl immedjatament kif jinxtegħlu
  • għażla usa' ta' kuluri ta' dawl (temperaturi tal-kulur)
  • dawl qawwi, xott jew baxx, kif meħtieġ.

Dwar xiex għandek toqgħod attent

  • Bozoz LEDs huma attwalment disponibbli għal ammonti ta' dawl minn baxx sa medju (anqas mill-ekwivalenti ta' bozoz inkandexxenti ta' 75W).
  • Ċerti LEDs huma sensittivi għat-temperatura u ma jitbaxxewx - għalkemm LEDs għal tal-apposta jeżistu għal kull waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi.
  • Meta l-bozoz LED jinħarqu, ma għandhomx jintremew mal-iskart tad-dar, iżda jinħtieġ li jittieħdu lura għand tal-ħanut jew f'postijiet ta' riċiklaġġ li jaċċettawhom.

Uża bozoz LEDs:

  • għall-fittings kollha li jintużaw ta' spiss jew għall-perjodi itwal.

Iċċekkja fuq il-kaxxa biex tara jekk il-kulur tad-dawl tagħhom jaqbilx ma' dak li trid abjad sħun jew abjad kiesaħ) u jekk humiex adatti biex jitbaxxew jew għal temperaturi estremi.

 

M: Kif nista' nivvaluta kemm hi l-qawwa tal-bozoz ġodda tad-dawl?

T: Il-qawwa tad-dawl ta' bozza ta' spiss tingħata f'termini ta' qawwa ta' wotts ekwivalenti għall-bozoz inkandexxenti, pereżempju "din il-bozza ta' 15-il W li tiffranka l-enerġija hi ekwivalenti għal bozza ta' 60W".

Madankollu, billi l-bozoz inkandexxenti mhux se jkunu aktar disponibbli wara l-2010, jinħtiġilna mod ġdid ta' kif nivvalutaw il-qawwa tad-dawl.

L-aħjar mod kif jitkejjel hu dak tal-lumens, li juri l-ammont ta' dawl li tagħti bozza (mhux l-ammont ta' elettriku użat, bħall-ammont ta' wotts).

Pereżempju l-ammont ta' dawl ta' bozza inkandexxenti ta' 60 W hu madwar 810 lumens. Għalhekk biex ikollok bozza li tiffranka l-enerġija li tkun bl-istess qawwa, insa l-ammont ta' wotts u fittex bozoz li jagħtu 810 lumens.

Il-lumens ilhom mill-1998 jintwerew fuq il-kaxxi tal-bozoz li għandhom it-"Tikketta tal-Enerġija tal-UE". Minn Settembru 2010, il-lumens se jintwerew b'mod aktar prominenti milli jintwerw il-wotts.

Ekwivalenti

Bozoz inkandexxentiBozoz li jiffrankaw l-enerġija
100W1300-1530 lumens
75W920-1060 lumens
60W700-810 lumens
40W410-470 lumens
25W220-250 lumens

 

PRESTAZZJONI, SPIŻA U RIMI

M: Bozoz li jiffrankaw l-enerġija jiswew aktar minn bozoz inkandexxenti?

T: Le. Bozoz fluworexxenti kompatti u bozoz LED huma ħafna irħas minn bozoz inkandexxenti konvenzjonali minħabba li:

  • iservu aktar – daqs 6-10 bozoz inkandexxenti konvenzjonali.
  • jużaw anqas elettriku – sa ħames darbiet anqas minn dak użat minn bozoz b'dawl inkandexxenti konvenzjonali.

Bozza li tiffranka l-enerġija ta' 23W li sservi 6 snin se tkun tiswa €100 anqas milli kieku jintużaw bosta bozoz inkandexxenti konvenzjonali ta' 80W matul l-istess perjodu jekk jitqies li l-prezz tal-enerġija hu €0.136 kWs).

 

M: Bozoz li jiffrankaw l-enerġija se jorħsu?

T: Għandu mnejn, meta jiżdied il-bejgħ tagħhom - għalkemm il-prezzijiet diġà naqsu fi snin reċenti.

Attwalment jintefqu aktar flus biex jiġu prodotti bozoz li jiffrankaw l-enerġija milli bozoz inkandexxenti.

 

M: Bozoz li jiffrankaw l-enerġija jagħtu anqas dawl?

T: Le – bozoz li jiffrankaw l-enerġija jagħtu l-istess ammont ta' dawl daqs bozoz inkandexxenti konvenzjonali.

Tista' tara dan billi tqabbel l-ammont ta' dawl tal-bozoz, f'lumens (minflokk f'qawwa ta' wotts).

Pereżempju bozza fluworexxenti kompatta ta' 15-il W u bozza inkandexxenti konvenzjonali ta' 60W se jagħtu t-tnejn li huma madwar 810 lumens ta' dawl.

 

M: Kemm idumu jservu l-bozoz li jiffrankaw l-elettriku?

T: Bejn 6,000 u 15,000-il siegħa (bozoz fluworexxenti kompatti u bozoz LED b'użu domestiku medju).

Meta mqabbla ma' 1,000 siegħa għall-bozoz inkandexxenti konvenzjonali.

Għalkemm ir-regoli l-ġodda tal-UE jimponu rekwiżiti minimi għal kemm iservu, it-tul ta' żmien li jservu l-bozoz fluworexxenti kompatti jista' jonqsos f'ċerti cirkostanzi (ara l-mistoqsija li jmiss).

 

M: Jekk bozoz fluworexxenti kompatti jinxtegħlu u jintfew b'mod frekwenti dawn iservu anqas?

T: Ċerti fluworexxenti kompatti, iva

Ara l-kaxxa – din tgħidlek kemm-il darba l-bozza tista' tinxtegħel u tintefa qabel ma tinqata'.

Meta jinxtegħlu u jintefew ta' spiss (għal aktar minn darba f'kull siegħa li jaħdmu) ċerti bozoz fluworexxenti kompatti jonqosilhom it-tul ta' żmien li kapaċi jservu.

Iżda hemm ċerti bozoz fluworexxenti kompatti magħmulin apposta biex jinxtegħlu u jintfew ta' spiss.

U bozoz inkandexxenti mtejba u bozoz LED mhumiex affettwati meta jinxtegħlu u jintfew ta' spiss.

M: Hu minnu li bozoz li jiffrankaw l-enerġija ma jitbaxxewx?

T: Mhux minnu. Dawk standard ma jitbaxxewx, iżda jeżistu fis-suq bozoz fluworexxenti kompatti u bozoz LED li jitbaxxew, u jeżistu dimmers li jbaxxu kull bozza li tiffranka l-enerġija.

Aqra l-informazzjoni fuq il-kaxxa bir-reqqa dwar il-kapaċità tal-bozza li titbaxxa.

Bozoz inkandexxenti mtejba se jibqgħu wkoll disponibbli u jkunu kapaċi jitbaxxew f'kull ċirkostanza.

 

M: Kif għandi narmi bozza fluworexxenti kompatta / bozza LED maqtugħa jew imkissra?

Kif għandek tarmi bozoz li jiffrankaw l-enerġija

 

M: Bozoz fluworexxenti kompatti jieħdu aktar ħin biex jinxtegħlu u biex jagħtu l-ammont sħiħ tad-dawl tagħhom?

T: Iva – iżda r-regoli l-ġodda jobbligawhom li:

  • jixegħlu f'mhux anqas minn 2 sekondi
  • jilħqu 60% tal-ammont tad-dawl sħiħ f'temp ta' minuta

Il-ħinijiet biex jisħnu għandhom jitniżżlu fuq il-kaxxa.

Bozoz inkandexxenti mtejba u bozoz LED mill-ewwel jagħtu dawl sħiħ.

 

M: Hu minnu li bozoz li jiffrankaw l-enerġija mhux dejjem jiffittjaw fil-fittings ta' dawl eżistenti?

T: Ċerti bozoz li jiffrankaw l-enerġija jistgħu ma jiffittjawx fil-fittings tiegħek – iżda dejjem tista' ssib waħda li tiffittja – jew bozza inkandexxendi mtejba jew bozza li titbaxxa li tiffranak l-enerġija.

 

M: Bozoz li jiffrankaw l-enerġija ma jibqgħux jagħtu l-istess ammont ta' dawl aktar ma jgħaddi żmien fuqhom?

T: Iva – matul it-tul ta' żmien li jservu, bozoz li jiffrankaw l-enerġija jagħtu gradwalment anqas dawl – sa 30% anqas lejn l-aħħar tal-użu tagħhom.

Iżda r-regoli l-ġodda jimponu rekwiżit minimu għall-ammont ta' dawl li jingħata lejn it-tmiem tal-użu tagħhom.

 

M: Hu minnu li bozoz li jiffrankaw l-enerġija ma jaħdmux f'temperaturi kesħin?

T: Iva, f'temperaturi estremament kesħin bozza fluworexxenti kompatta standard jew bozza LED tista' titlef parti sostanzjali mill-ammont tad-dawl tagħha.

Madankollu, jeżistu għaż-żewġ tipi ta' bozoz varjetajiet magħmulin tal-apposta għall-użu fuq barra li ma jitilfux mis-servizz tagħhom fil-kesħa (fittex din l-informazzjoni fuq il-kaxxa).

Bozoz inkandexxenti mtejba se jibqgħu jinstabu u jistgħu jintużaw f'kull temperatura.

 

M: Xi wħud mill-bozoz il-ġodda fihom il-merkurju – dan se jikkawża aktar tniġġis mill-merkurju?

T: Bozoz fluworexxenti kompatti fihom ammonti ferm żgħar ta' merkurju.

B'mod ġenerali, madankollu, l-użu ta' dawn il-bozoz se jnaqqsu l-emissjonijiet tal-merkurju (u b'mod konkret l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju).

Dan hu minħabba li jużaw sa 80% anqas elettriku minn bozoz inkandexxenti, li ħafna minnu jiġi ġġenerat minn impjanti tal-elettriku li jużaw il-faħam. Il-ħruq tal-faħam biex jiġi ġġenerat l-elettriku jillibera l-merkurju.

Jekk trid bozza li tiffranka l-enerġija li ma fihiex merkurju, tista' tuża l-bozoz LED.

 

M: Is-sħana ta' bozoz inkandexxenti hi utli?

T: Le – din mhix effiċjenti mqabbla ma' forom oħra ta' tisħin u meqjusa bħala telf ta' enerġija aktar milli użu ta' enerġija.

Barra minn hekk, dawn jarmu sħana matul l-istaġunijiet aktar sħan meta ma jkollokx bżonnha u anke jżidu l-ħtiġijiet tiegħek biex tkessaħ.

U mhux il-kmamar kollha li jinħtiġilhom id-dawl tinħtiġilhom is-sħana wkoll.

 

M: X'għandi nagħmel meta tinkiser bozza fluworexxenti kompatta?

T: Kif għandek tarmi bozoz tad-dawl li jiffrankaw l-enerġija

 

M: Bozoz fluworexxenti kompatti jistgħu jagħmlu ħsara lill-bniedem?

T: Le – din il-kwistjoni kienet eżaminata mill-Kumitat Xjentifiku għar-riskju fuq is-saħħa tal-UE, li kkonkluda li, f'użu normali, bozoz fluworexxenti kompatti ma jagħmlux ħsara lill-bniedem.

 

DWAR IR-REGOLI TAL-UE

M: It-tneħħija gradwali tal-bozoz inkandexxenti konvenzjonali hi l-unika ħaġa koperta mir-regoli?

T: Le – dawn jinkludu wkoll dawn li ġejjin:

  • rekwiżiti minimi ta' użu effiċjenti ta' enerġija għall-bozoz kollha
  • prestazzjoni tal-bozoz (pereżempju kemm idumu jservu u l-ammont ta' dawl li jagħtu)
  • informazzjoni dwar il-prodott li trid tingħata.

Dan għandu jagħmilha eħfef għalik li tagħżel il-bozza adatta għal użu partikulari.

 

M: Id-deċiżjoni li jitneħħew gradwalment il-bozoz inkandexxenti konvenzjonali hi bbażata fuq evidenza xjentifika?

T: Iva – qabel ma sar l-abbozz tal-leġiżlazzjoni kienu vvalutati fi studju estensiv teknoloġiji ta' bozoz differenti, biex jiġu determinati l-benefiċċji ambjentali potenzjali tagħhom u l-impatt fuq il-konsumaturi u l-industrija tal-bozoz tad-dawl.

 

M: Partijiet interessati affettwati kienu kkonsultati?

T: Iva – l-entitajiet tal-konsumaturi, l-NGOs u l-assoċjazzjonijiet tal-industrija kollha kellhom l-opportunità li jikkummentaw kemm waqt l-istudju preparatorju kif ukoll dwar id-dokumenti ta' ħidma bikrija tal-Kummissjoni.

 

M: Għaliex l-UE ħadet deċiżjoni daqshekk radikali (il-projbizzjoni tal-bozoz inkandexxenti)?

T: Għalkemm il-bozoz li jiffrankaw l-enerġija ilhom mill-1998 iġorru tikketta b'mod ċar bħala l-aktar bozoz effettivi bħala spiża, il-prezz għoli biex jinxtraw ma kienx ta' inkuraġġiment biex jintużaw (anki jekk b'mod ġenerali huma orħos, meta jitqies l-iffrankar tal-enerġija matul l-użu tagħhom).

Biex jirrimedjaw dan, il-gvernijiet tal-UE u l-Parlament Ewropew talbu lill-Kummissjoni biex tadotta rekwiżiti minimi biex jitneħħew gradwalment il-bozoz l-anqas effiċjenti.

 

XI JMISS?

M: Jeżistu pjanijiet biex jiġu riveduti t-tikketti eżistenti tal-bozoz li jiffrankaw l-enerġija?

T: Iva – mill-1998, il-kaxxa tal-bozza kellha turi skala li tivvaluta l-effiċjenza fl-użu ta' enerġija tal-bozoz minn A sa G.

Se neżaminaw mill-ġdid din l-iskala biex jitqiesu t-tneħħija gradwali ta' ħafna bozoz ineffiċjenti u d-dehra reċenti ta' bozoz aktar effiċjenti.

Din se tkun wkoll estiża biex tkopri l-bozoz b'rifletturi u l-bozoz b'vultaġġ baxx (probabbilment fl-2010).

 

M: L-UE kif se tiggarantixxi ffrankar tal-enerġija f'setturi oħrajn?

T: Flimkien mal-miżura dwar il-bozoz tad-dawl, il-Kummissjoni qed tipprepara leġiżlazzjoni dwar l-użu effiċjenti tal-enerġija għal aktar minn 20 grupp ieħor ta' prodotti bħat-televixins, il-bojlers tal-misħun, il-heaters tal-ilma u l-muturi tal-elettriku.

Hemm ukoll leġiżlazzjoni fis-seħħ biex jitjieb l-użu effiċjenti tal-enerġija f'setturi oħrajn.

U l-UE b'mod attiv qed tħeġġeġ pajjiżi lil hinn mill-Ewropa biex huma wkoll jintroduċu jew isaħħu l-miżuri sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom.