Għalfejn ħadet azzjoni l-UE?

il-bozoz tad-dawl inkandexxenti qdewna tajjeb għal ħafna snin - għalfejn għandna nibdluhom ma' oħrajn?
Il-Kummissarju Ewropew għall-enerġija Günther Oettinger jispjega.

 

  • L-UE introduċiet projbizzjoni fuq il-bozoz inkandexxenti tal-100W u ogħla u bdiet taqleb għal dawl inqas ħażin għall-ambjent.
  • Qiegħda tneħħi l-bozoz ħalja bil-mod il-mod mis-suq Ewropew.
  • Sal-2020, dan għandu jiffranka biżżejjed enerġija biex tingħata l-enerġija lil 11-il miljun dar fis-sena, filwaqt li jnaqqas il-kontijiet tad-dawl fid-djar b'madwar €25 fis-sena.

Günther H Oettinger, il-Membru tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-Enerġija

 

Bidla gradwali

Ir-regoli l-ġodda għall-bozoz tad-dawl huma bbażati fuq xjenza ta' min jafdaha u fuq ix-xewqat ta' organizzazzjonijiet tal-konsumaturi kif ukoll l-industrija.

Huwa għalhekk li d-dwal ineffiċjenti se jitneħħew gradwalment fuq medda ta' snin. Dan għandu jippermetti kemm lill-konsumaturi kif ukoll lill-kumpaniji jadattaw għall-bidla b'mod gradwali.

Iservu aktar u jiġu orħos

Il-bozoz moderni u aktar effiċjenti joffru l-istess vantaġġi bħal ta' qabilhom imma joffru wkoll ħafna iktar.

Meta l-familji u l-kumpaniji jaqilbu għall-bozoz fluworexxenti kompatti, ikunu qegħdin inaqqsu l-kontribuzzjoni negattiva tagħhom għat-tibdil fil-klima filwaqt li jiffrankaw il-flus!

L-ispiża inizjali malajr tiġi rkuprata peress li dawn il-bozoz jużaw biss kwart jew inqas mill-elettriċità li jaħlu l-bozoz inkandexxenti, u jservu bejn 6 u 10 darbiet aktar.

Kemm iddum tixgħel, bozza fluworexxenti kompatta waħda tiffrankalek xi €60 - u meta aktar nies jibdew jixtru dawn il-bozoz il-ġodda, iktar jorħsu.

Bozoz LED - il-futur?

Id-dajowds li jarmu d-dawl (LEDs) huma tip ieħor ta' bozoz li jiffrankaw l-enerġija. Dawn joffru aktar vantaġġi. Huma effiċjenti daqs il-bozoz fluworexxenti però ma fihomx merkurju u jdumu jaħdmu ħafna aktar fit-tul.

Bozoz qodma mtejbin

Biex it-tranżizzjoni tkun faċli kemm jista' jkun, tista' tuża tip ta' bozoz inkandexxenti mtejbin li jużaw it-teknoloġija aloġena.

Dawn jidhru qishom il-bozoz l-antiki u jarmu l-istess xorta u kwalità ta' dawl - minnufih wara li jinxtegħlu.

Aktar għażla

Paradossalment, il-projbizzjoni fuq id-dwal ineffiċjenti qed joffri lil konsumaturi għażla aktar kbira ta' tip ta' bozoz. Bħala risposta għad-domanda għal alternattivi, il-kumpaniji qed ipoġġu tipi ġodda ta' bozoz fis-suq aktar malajr milli kienu jagħmlu kieku dan ma kienx il-każ.

Ippakkjar u sikurezza

Il-leġiżlazzjoni dwar il-bozoz tad-dawl tinkludi rekwiżiti għal ippakkjar u tikkettjar ċar, b'hekk tkun taf meta tixtri bozza kemm se sservik, kemm taħli enerġija, il-kwalità ta' dawl li tarmi u kif l-aħjar li teħles minn bozoz użati jew miksura.

Hemm ukoll regoli tal-UE dwar ir-rimi tal-bozoz fluworexxenti kompatti. Dan jitlob attenzjoni partikolari.

L-istess qawwa għall-istess tul

Bil-kontra ta' dak li jaħsbu ħafna persuni, il-bozoz fluworexxenti kompatti jipproduċu l-istess ammont ta' dawl bħal bozoz tradizzjonali - sempliċiment qabbel il-qawwa indikata fuq il-pakkett.

Ir-regoli tal-UE jirrikjedu wkoll li fuq il-pakkett jew kaxxa jkun hemm miktub kemm isservi l-bozza. Dan jiġi bbażat fuq il-medja li l-bozza tinxtegħel u tintefa darba kull siegħa ta' tħaddim. U għal min jixgħel u jitfi l-bozza aktar spiss, tista' tixtri bozoz fluworexxenti kompatti magħmulin speċifikament għal dak il-għan.

Günther H. Oettinger

Kummissarju Ewropew għall-Enerġija